Għarafthom? Jerġgħu jingħaqdu wara 20 sena

Nhar il-Ħamis li ġej fit-3pm tixxandar l-aħħar puntata tas-sensiela Villa Sunset li reġgħet intweriet mill-ġdid fuq TVM wara 20 sena.

Tqanqlet ħafna nostalġija fost it-telespettaturi Maltin u Għawdxin.

Iżda dawn ir-ripetizzjonijiet wasslu wkoll lill-atturi biex jerġgħu jingħaqdu kollha flimkien biex jiċċelebraw mhux biss l-20 anniversarju ta’ meta bdiet is-sensiela, iżda wkoll f’okkażjoni ta’ għeluq it-72 sena ta’ Lino Farrugia, wieħed miż-żewġ awturi ta’ din is-sensiela. L-awtur l-ieħor, David Pace, ukoll kien preżenti għal din l-okkażjoni.

Għalkemm ħafna mill-atturi li rajna 20 sena ilu f’Villa Sunset għadhom attivi, hemm 10 li llum il-ġurnata m’għadhomx magħna.

Uħud mill-atturi ta’ Villa Sunset f’ritratt meħud 20 sena ilu

Dawn huma Charles Arrigo, Charles Thake, Lino Grech, Connie Azzopardi, Gemma Portelli, Lina Galea Cumbo, Lina Galea, Leli Debattista, Antoinette Soler u Mario Ellul.

Aktar atturi minn Villa Sunset, 20 sena ilu

F’kummenti minn xi wħud mill-atturi li tkellimna magħhom deher biċ-ċar li din il-laqgħa tagħhom wara 20 sena wasslithom biex iġeddu ħafna memorji, tant li jinsabu determinati li ma jħallux 20 sena oħra qabel jerġgħu jiltaqgħu!

AQRA: Ta’ Villa Sunset reġgħu magħna

Però apparti l-atturi, magħhom mar ukoll tfajjel ta’ 10 snin, li għalkemm ma segwix is-sensiela meta xxandret snin ilu, beda jsegwiha dan is-sajf u ried jiltaqa’ mal-atturi biex saħansitra jieħu ritratt magħhom.