“Għaqqad il-familji li fridt” – Imħallef lill-Gvern Amerikan

Reuters

Fl-Amerka, l-Imħallef Dana Sabraw ordna lill-Gvern biex jiffoka iżjed biex isib il-ġenituri immigranti deportati, sabiex ikun jista’ jgħaqqadhom ma’ wliedhom li baqgħu fl-Istati Uniti wara li l-uffiċjali Amerikani firduhom fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku.

Dan sar taħt l-ordni ta’ “tolleranza żero” lejn immigrazzjoni illegali ta’ Trump.

L-Imħallef awgura lill-Gvern talli ħeles 1,820 tifel u tifla u bagħathom lura għand il-ġenituri tagħhom. Minkejja dan, huwa ordna lill-uffiċjali biex jiffukaw fuq is-711-il tifel u tifla li għadhom mifruda minn familthom, wara li l-Gvern iddikjara lill-ġenituri tagħhom mhux eliġibbli.