Għaqdiet politiċi taż-żgħażagħ jilmentaw fuq nuqqas ta’ konsultazzjoni

Il-fergħat taż-żgħażagħ tal-AD u l-PN, qed jilmentaw li s’issa l-Gvern għadu ma kkonsultax magħhom dwar il-proposta li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ma jsirux kif skedati u minflok isiru fis-sena 2019 flimkien mal-elezzjoni li jmiss tal-Parlament Ewropew. 
Ma' Newsbook.com.mt, is-Segretarju Ġenerali tal-Alternattiva Demokratika Żgħażagħ (ADŻ) Anna Azzopardi stqarret li la l-ADŻ u lanqas l-AD ma ġew avviċinati u dan minkejja li l-partit għandu numru ta’ kunsilliera eletti f’ismu. Anna spjegat li s’issa bħala partit kienu kostretti jwasslu l-fehma tagħhom permezz tal-midja u waqt laqgħa li ċ-Ċermen, il-Professur Arnold Cassola kellu mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. 
Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) Matthew Agius li wkoll saħaq li l-MŻPN ma ġie avviċinat f’ebda ħin. Spjega li d-demokrazija m’għandhiex prezz u staqsa li jekk din l-elezzjoni hija ħela ta’ flus għaliex bl-istess raġunament ma jitħassrux l-elezzjoni ġenerali u anke dik tal-Parlament Ewropew. Matthew qal li l-Gvern qiegħed jaħli biżżejjed flus għal tal-qalba filwaqt li spjega li l-argument ta’ electoral fatigue ma jreġġix.
Mistoqsijiet intbagħtu lill-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL), Alex Saliba u lill-Viċi President tal-istess għaqda Nikita Zammit Alamango, iżda minkejja l-isforzi kollha, dawn ma wieġbux lura.