Għaqdiet Kattoliċi jitolbu lil Trump ma jwaqqafax l-għajnuna lill-Afrika tal-Lvant

Ommijiet Somali jġibu ‘l uliedhom biex jingħataw x’jieklu fil-Kamp tar-Refuġjati f’Melkadida, fl-Etijopja (Credit: Elias Meseret/AP.)

L-Afrika tal-Lvant qed tiffaċċja kriżi kbira ta’ nuqqas ta’ ikel u l-għajnuna li tagħti l-Amministrazzjoni Amerikana hi vitali.

In-nuqqas ta’ xita fir-reġjun minn Marzu ‘l hawn qed iwassal biex il-merħliet m’għandhomx fejn jirgħu u l-ilma qed jiskarsa u allura l-kundizzjonijiet tal-uċuħ tar-raba matul  ir-reġjun huma mhedda.

Matt Davis, Direttur Reġjonali tal-Catholic Relief Services, li hi l-Aġenzija għall-Iżvilupp Internazzjonali tal-Konferenza Episkopali Amerikana qal li l-amministrazzjoni ta’ Trump qed tipprova taqta’ l-għajnuna lill-organiżazzjoni internazzjonali tal-għajnuna li jaħdmu f’dan ir-reġjun.

Nixfa kbira

Id-Direttur qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux” li n-nuqqas ta’ xita u l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp ħallew diversi partijiet tal-Afrika tal-Lvant f’kundizzjonijiet ta’ nixfa.

Barra minn dan in-nuqqas ta’ xita u n-nuqqas ta’ produzzjoni agrikola żiedu l-prezzijiet tal-ikel.

Din is-sitwazzjoni mistennija tkompli teħżien fix-xhur li ġejjin, għax f’Marzu u April ma għamlitx xita filwaqt li għal Mejju u Ġunju il-previżjoni hi waħda negattiva wkoll.

Il-Catholic Relief Services hi nkwetati mhux biss dwar is-sitwazzjoni fl-Etijopja imma wkoll dwar is-Sudan t’Isfel, is-Somalia u l-Kenya.

16-il miljun jiffaċċjaw il-ġuħ

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, mill-anqas 16-il miljun persuna fl-Afrika tal-Lvant qed jiffaċċjaw il-ġuħ u ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala “l-agħar sitwazzjoni umanitarja minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija”.

Fl-Etijopja biss aktar minn 7 miljun persuna għandhom bżonn għajnuna urġenti ta’ ikel. L-istampa lokali rrappurtat li f’Marzu, 10 persuni mietu bil-ġuħ filwaqt li aktar minn miljun persuna fil-Kenya qed jirriskjaw il-ġuħ minħabba n-nixfa kbira li hemm fil-pajjiż.

Fis-Somalia, snin twal ta’ kunflitti, attakki terroristiċi u nixfa kontinwa ħalliet ħafna minn dan il-pajjiż bla ikel tant li nofs il-popolazzjoni ta’ 12.3 miljun hu stmat li għandhom nuqqas serju ta ikel u tliet miljun persuna m’għandhom ikel għal ġurnata. Tmien snin ilu, f’dan il-pajjiż kienu mietu 260,000 persuna bil-ġuħ.

Skont l-Oxfam, organiżazzjoni oħra ta’ għajnuna internazzjonali, fis-Sudan t’Isfel, aktar minn seba’ miljun persuna qed jiffaċċjaw ġuħ estrem li jista’ jwassal għall-mewt, wara erba’ snin ta’ gwerra ċivili.

Trump irid inaqqas l-għajnuna

Matt Davis wissa’ li s-sitwazzjoni se tkompli teħżien, speċjalment għax l-amministrazzjoni ta’ Donald Trump qed thedded li taqta’ l-għajnuna barranija. L-Isqfijiet Amerikani qed iħeġġu lill-Kungress Amerikan biex ma japprovax it-tnaqqas fil-baġit għall-għajnuna barranija li jrid jagħmel il-President.

Is-Senat li għaddiet il-Kungress kien irrifjuta li jkun hemm qtugħ propost mill-amministrazzjoni f’din it-tip ta’ għajnuna u hu ttamat li hekk jerġa’ jiġri din id-darba.

Bħalissa hu l-agħar żmien biex l-Istati Uniti u pajjiżi oħra jnaqqsu l-għajnuna tagħhom ikunu qed iwaqqfu l-għajnuna li tista’ ssalva ħajjiet. Jekk l-Istati Uniti din is-sena se tnaqqas l-għajnuna tagħha ma hemm ebda dubju li t-tbatija għall-popli tal-Afrika tal-Lvant se tiżdied ħafna.