Entitajiet jaħdmu kontra t-tniġġis taż-żejt fil-baħar

Transport Malta għada se tmexxi eżerċizzju nazzjonali għall-prevenzjoni tat-tniġġis barra mix-xtut Maltin, billi flimkien ma’ bosta organizzazzjonijiet, tnaddaf il-baħar mill-ħafna żejt li jista’ jinxtered fih meta jaħbtu 2 bastimenti.

Malta ħejjiet din l-inizjattiva billi llum kkuntattjat lil entitajiet barranin għall-għajnuna permezz tas-Sistema Komuni ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni f’każ ta’ emerġenza tal-Unjoni Ewropea (CECIS).

Dan l-eżerċizzju għandu jservi ta’ prova tajba f’każ li jinqala’ xi inċident simili.

Jekk it-temp jippermetti, l-eżerċizzju għandu jibda fit-8am, b’numru ta’ bastimenti fuq il-baħar biex jiġbru t-tixrid taż-żejt.

F’din l-inizjattiva, se jipparteċipaw l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u entitajiet lokali u internazzjonali oħra. L-EMSA qiegħda tipprovdi tagħmir ġdid għal din l-inizjattiva, u għalhekk, din se sservi ta’ opportunità għall-operaturi biex jidrawh u jittestjaw l-użu tiegħu fil-baħar.

Transport Malta se tħejji rapport fuq l-eżerċizzju għall-EMSA waqt it-tielet ġimgħa t’Ottubru.

Dawn huma dawk li se jipparteċipaw f’dan l-eżerċizzju:

• Dipartimenti u Taqsimiet ta’ Transport Malta
• Il-Forzi Armati ta’ Malta – l-Iskwadra Marittima u l-Ops Room
• Id-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili
• Il-Pulizija ta’ Malta
• Id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei
• Id-Dipartiment għas-Saħħa Ambjentali
• L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)
• Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura
• L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)
• REMPEC
• Tankship Management
• Falzon Marine
• Tug Malta Ltd
• Malta Maritime Pilots
• Port Logistics Operations
• Cassar Maritime Services
• OSRA Int
• Zammit Group
• Id-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi fl-Università ta’ Malta
• L-imsieħba tal-proġett CALYPSO SOUTH