Għaqdiet itellgħu lill-PA l-Qorti minħabba s-sit tal-Jerma

Read in English.

Grupp ta’ seba’ għaqdiet fetħu kawża kontra l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) wara li din naqset milli tirtira d-Development Brief għas-sit tal-Jerma.

Is-seba’ għaqdiet kienu ippreżentaw protest ġudizzjarju lill-PA f’Mejju li għadda talli implimentat proċedura ta’ konsultazzjoni mtappna bl-irregolaritajiet għas-sit li qabel kien okkupat mill-Jerma Palace Hotel f’Wied il-Għajn. Permezz tal-protest ġudizzjarju l-għaqdiet kienu avżaw li se jipproċedu b’azzjoni legali jekk dan ma jiġix irtirat fi żmien 10 ijiem. L-għaqdiet jgħidu li ma kellhom ebda għażla oħra ħlief li jiftħu kawża l-Qorti kontra l-Awtorità.

Filwaqt li l-Pjan Lokali jimmarka l-limiti taż-żona li għandha tkun soġġetta għad-Development Brief, il-PA iddeċidiet li tinkludi aktar żoni minn dawk inklużi fil-Pjan Lokali.

Din żiedet żona ekoloġika li għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku u fejn mhija permessa l-ebda żieda fl-għoli jew fil-volum tal-bini, kif ukoll sit ta’ patrimonju storiku li għalih diġà teżisti policy. Barra minn hekk, il-PA żiedet żona ta’ 100,000 metru kwadru li għandha tiġi żviluppata fi ħdan is-sit.

L-għaqdiet li fetħu l-kawża huma:

  • Din l-Art Ħelwa
  • Flimkien għal Ambjent Aħjar
  • Green House
  • Moviment Graffitti
  • Nature Trust Malta
  • Ramblers Association of Malta
  • The Archaeological Society of Malta