Għaqdiet b’appell lill-mexxejja li se jkunu f’Malta; l-assassinju ta’ Caruana Galizia għandu jkun fuq l-aġenda

Read in English.

Seba’ għaqdiet li jaħdmu favur il-libertà tal-istampa appellaw lill-mexxejja tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li se jkunu f’Malta għas-summit biex jindirizzaw l-impunità fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia waqt il-laqgħat tagħhom f’Malta.

F’ittra indirizzata lill-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, il-President ta’ Ċipru Nicos Anastasiades, il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras, il-Prim Ministru Portugiż Antonio Costa u l-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez, l-għaqdiet sostnew li huma qed jaħdmu biex issir ġustizzja ma’ Caruana Galizia u għaldaqstant qed isegwu mill-qrib l-iżviluppi f’Malta.

L-għaqdiet mhux governattivi fakkru li l-mexxejja li huma ffirmaw id-dikjarazzjoni ta’ Sibiu li fiha huma wegħdu li jipproteġu l-valuri demokratiċi u jirrispettaw il-liġi (saltna tad-dritt). Iddikjaraw li għaldaqstant il-mexxejja għandhom jpoġġu l-assassinju ta’ Caruana Galizia u s-sigurtà tal-ġurnalisti fuq l-aġenda waqt il-laqgħa tagħhom.

AQRA: “PM b’ħafna poter; nuqqas ta’ bilanċi u kontrolli”

Huma rreferew ukoll għar-rapport li kien addottat mill-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali u d-Drittijiet Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa. Ir-rapport bl-isem ta’ “Daphne Caruana Galizia’s assassination and the rule of law, in Malta and beyond: ensuring that the whole truth emerges” kien imħejji mill-rapporteur speċjali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt. Saħqu li fir-rapport ġie osservat kif fis-sistema demokratika ta’ Malta hemm dgħufija fundamentali, filwaqt li osservaw li din is-sitwazzjoni allarmanti meta wieħed jikkunsidra li Malta hi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ewropa.

AQRA: “Jekk Malta mhux se taħdem fuq fejn hi dgħajfa, l-Ewropa trid tintervjeni” – KE

L-għaqdiet sostnew li saru diversi appelli lill-awtoritajiet Maltin biex jittieħdu passi ħalli tiġi fit-tmiemha l-klima ta’ impunità prevalenti f’Malta. Qalu wkoll li l-Gvern waqqaf inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia, b’dan ifisser li l-ġurnalisti f’Malta qed jibqgħu jaħdmu f’riskju kbir.

L-għaqdiet huma European Centre for Press and Media Freedom (ECPMF), ARTICLE 19, IFEX, Index on Censorship, International Press Institute (IPI), PEN International u Reporters Without Borders (RSF).