Għaqdiet ambjentali jinsistu fuq studji ġodda dwar il-Gżira Manoel

Manoel Island

14-il għaqda attivi fil-qasam ambjentali qed jinsistu li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandha taħdem fuq assessjar dwar l-impatt ambjentali (EIA) ġdid għall-iżvilupp propost fuq il-Gżira Manoel mingħajr dewmien, filwaqt li jinsistu li l-gżira għanda tibqa’ “oażi ta’ paċi” fiċ-ċentru ta’ żona urbana.

F’Ġunju li għadda, it-Tribunal ta’ Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) kien ħassar Outline Development Permit li kien inħareġ għall-iżvilupp tal-gżira minn MIDI plc, fuq appell li għamlet l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar.

Il-permess ġie rrevokat peress li wieħed mill-konsulenti mqabbad mill-MIDI għall-EIA kien ilu jirċievi xogħol mill-kumpanija, u b’hekk kellu kunflitt maġġur ta’ interess. B’hekk l-EIA ġie ddikjarat null fl-intier tiegħu, u rapport ġdid kellu jiġi sottomess.

L-FAA, f’isimha u f’isem numru ta’ għaqdiet oħra, enfasizzat l-importanza li jsir rapport ġdid biex jindirizza n-nuqqasijiet tar-rapport li ġie ddikjarat null. In-nuqqasijiet jinkludu:

  • Nuqqas ta’ assessjar tal-impatt fuq is-saħħa, minkejja ż-żieda fit-traffiku mistennija u r-reklamazzjoni tal-art ippjanata;
  • Nuqqas ta’ assessjar tat-traffiku, bi stimi għas-snin 2025-2030 ikkalkulati b’mod li ma jirrispettax is-standards tal-Awtorità tal-Ippjanar
  • L-ebda studju fuq l-impatt ta’ 20,000 vjaġġ bi trakkijiet mgħobbija bir-radam, li MIDI stess tammetti se jkunu trakkijiet qodma u li jħammġu.
  • Nuqqas ta’ assessjar tal-impatt soċjali. Il-periti tal-MIDI stess ikkonfermaw li l-proġett se jwassal għall-ġentrifikazzjoni tal-Gżira.
  • Assessjar tal-impatt viżiv li naqas milli jara l-impatt fuq il-veduti mill-Gżira
  • It-tneħħija tal-unika slipway fiz-zona. Is-sidien tal-yachts qed jiġu moqdija għad-detriment ta’ sidien ta’ dgħajjes żgħar u sajjieda.
  • Ir-reklamazzjoni tal-art u l-bini ta’ breakwater mistennija jżidu s-saħħa tal-mewġ fiż-żona
  • Nuqqas ta’ assessjar ta’ wirt arkeoloġiku, partikolarment dak fil-baħar. Hemm bżonn monitoraġġ qabel ma jingħata xi permess, u mhux wara.

L-għaqdet fakkru li la tħassar il-permess ta’ żvilupp outline, il-permessi li ngħataw abbażi tiegħu ukoll ġew revokati: l-NGOs qed jinsistu li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tiżgura li dan hu l-każ.

Żiedu wkoll li kemm il-pjan propost mill-MIDI fl-1999 kif ukoll dak tal-2019 huma ta’ dannu għar-reġjun u r-residenti.

L-istqarrija ħarġet f’isem:

  • BirdLife Malta
  • Din l-Art Ħelwa
  • Flimkien għal Ambjent Aħjar
  • Friends of the Earth Malta
  • Grow 10 Trees
  • Inħobbu l-Gżira
  • Isles of the Left
  • Moviment Graffitti
  • NatureTrust Malta
  • ORCA
  • Ramblers Association of Malta
  • ROTA
  • The Archaeological Society Malta
  • Tuna Artna Lura

MIDI tibqa’ kommessa li tiżviluppa Manoel Island

B’reazzjoni għall-istqarrija li saret mill-għaqdiet ambjentali mhux governattivi, l-MIDI enfasizzat li l-applikazzjoni għall-iżvilupp tista’ tkompli qabel ma jiġi sottomess l-Assessment tal-Impatt Ambjentali (EIA). Żiedu li l-koordinatur tal-EIA kien fil-proċess li jikkondludi rapport ġdid li jinkludi r-rapport ġdid dwar il-wirt kulturali u l-aġġornament ta’ studji oħra li saru.

L-għaqdiet mhux governattivi rrimarkaw diversi nuqqasijiet li kien hemm fl-EIA, min-naħa tagħha l-MIDI enfasizzat li EPRT irrimarkat biss il-kunflitt ta’ interess. MIDI enfasizzaw li hemm ippjanat park pubbliku ta’ aktar minn 80,000 metru kwadru, spażji pubbliċi miftuħa, grawnd tal-futbol għall-użu tat-tim tal-futbol tal-Gżira u grawnd tal-boċċi.

Il-MIDI saħqet li se tibqa’ impenjata li tiżviluppa Manoel Island u se tkompli taħdem fil-qrib mal-Kunsill Lokali tal-Gżira, mal-Fondazzjoni ta’ Manoel Island u mal-NGOs l-oħra sabiex ikun hemm djalogu li jassigura l-interess tal-komunità lokali u tal-pubbliku.