“L-għaqda u t-tiġdid kruċjali għall PN” – Bernard Grech

L-għaqda u t-tiġdid huma kruċjali biex il-Partit Nazzjonalista jirnexxi u għaldaqstant huma l-essenza tas-slogan tal-kampanja elettorali tal-Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. 

Fi stqarrija li tispjega dan is-slogan, li jikkumplimenta l-logo tal-istess kandidat, ingħad li l-għaqda u t-tiġdid huma importanti biex jikkontribwixxu lejn ir-riżultat finali tal-ħidma li ser ikun hemm u li permezz tiegħu il-Partit Nazzjonalista jirnexxi b’ħidma kollettiva. 

Fil-messaġġ tiegħu, Bernard Grech qed jisħaq li t-tmexxija tiegħu ser tkun kommessa li l-Partit Nazzjonalista jingħaqad fejn ‘kulħadd iħoss li għandu sehem siewi u apprezzat fil-Partit Nazzjonalista’. 

Il-proċess tal-għaqda għandu jkun akkumpanjat minn tiġdid fl-organizzazzjoni, fil-programm politiku u anke fil-kandidati tal-istess partit. Biex dan jitwettaq, Grech qed iwiegħed li jkun hemm l-bini mill-ġdid tal-organizzazzjoni tal-Partit Nazzjonalista f’kull lokalita’ u l-fergħat tiegħu li jidħlu fi djalogu intens u ġenwin mal-firxa l-iktar wiesgħa tal-komunitajiet u tas-soċjetá Maltija. 

Apparti minn hekk, il-Partit Nazzjonalista, irid jara li jattira u jiżviluppa l-aqwa talent f’termini ta’ kandidati li tirrifletti kemm esperjenza kif ukoll ħeġġa ġdida. Din il-ħeġġa għandha tirrifletti wkoll formulazzjoni ta’ politika mġedda li tiffoka fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, il-ħolqien ta’ ġid, solidarjetá u ġustizzja. 

Fit-tifsira għall-logo u s-slogan tal-kampanja, Grech emfasiżża l-ħtieġa tal-kollettiv biex il-Partit Nazzjonalsita jiġġedded u jirnexxi.