Għanjiet tal-Milied

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO) bi pjaċir tħabbar inizjattiva edukattiva mmirata biex tkabbar l-atmosfera tal-Milied fil-klassijiet tal-iskejjel! Minħabba li din is-sena l-attivitajiet tal-Milied fl-iskejjel huma limitati, Għanjiet tal-Milied huwa proġett magħmul apposta biex jindirizza t-tibdil minn dak li kien jiġri s-soltu fil-klassijiet. 

Dan il-proġett innovattiv, xprunat mill-għan ewlieni tal-MPO li tippromovi l-arti u l-kultura, huwa mmirat għat-tfal kollha li jattendu l-iskejjel primarji madwar il-gżejjer Maltin u joffri lill-għalliema u studenti aċċess għal diversi għanjiet tal-Milied bil-Malti. Taħt id-direzzjoni artistika ta’ Daniel Cauchi, dawn l-għanjiet tradizzjonali ingħataw libsa ġdida u kienu rrekordjati mill-MPO bi kliem ta’ awturi Maltin, bl-intenzjoni li nressqu lit-tfal eqreb lejn il-mużika klassika u lejn ilsienna.

Aktar minn hekk, dan huwa proġett li jqanqal il-kreattività fit-tfal. Dan billi jinkoraġġixxi lill-għalliema u l-iskejjel joħolqu proġetti żgħar madwar dawn l-għanjiet permezz ta’ online kit apposta. Din tinkludi tracks irrekordjati (fil-verżjoni sing-along u fil-verżjoni sħiħa), kif ukoll opportunitajiet attraenti għat-tfal biex jinvolvu lilhom infushom mal-mużika permezz ta’ animazzjoni, illustrazzjonijiet u logħob, kif ukoll għanja ppreżentata bil-lingwa tas-sinjali, it-tielet lingwa nazzjonali ta’ pajjiżna.

Eventwalment, l-attivitajiet organizzati mill-iskejjel, dejjem skont il-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa, se jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq il-mezzi tal-media diġitali tal-MPO.  

Aktar materjal jinstab hawnhekk:  

Website: www.maltaorchestra.com/milied 

Resource pack: https://issuu.com/maltaphilharmonicorchestra/docs/ghanjiet_tal-milied

Dan it-tagħrif twassal mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.