Għandu Muscat jibqa’ sa Jannar?

Prime Minister of Malta Joseph Muscat
Prime MInister Joseph Muscat

Newsbook.com.mt is-Sibt xandar l-opinjoni ta’ għadd ta’ opinjonisti dwar jekk Muscat għandux jibqa’ Prim Ministru sa Jannar jew jitlaqx immedjatament.

Waqt li diversi taw il-kummenti tagħhom b’isimhom oħrajn ippreferew li għal diversi raġunijiet ma jissemmiex isimhom. Newsbook.com.mt illum iwassal l-opinjoni ta’ dawn u jikkuntrastahom ma’ wħud minn tas-Sibt.

Jistgħu joħorġu fatti oħra

Is-Sibt Desmond Zammit Marmara qal li l-Prim Ministru qal li “jekk il-proċess tar-riżenja jittawwal ma hemm xejn li jassigurana li ma toħroġx aktar informazzjoni li tagħmel aktar ħsara.”

Ta l-istess opinjoni huwa opinjonista bi sfond legali li ma riedx juri ismu.

“Minkejja li Keith Schembri rriżenja l-istejjer li għadhom ħergin fuqu jkomplu jitfgħu dejjem iktar dawl fuq l-allegati konnessjonijiet tiegħu ma’ dawk li setgħu wettqu mhux biss korruzzjoni imma anki ppjanaw il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. B’mod specifiku, jekk Schembri jerġa’ jinġabar mill-pulizija, fuq attentat ta’ frame up, minimament, anki jekk wieħed jassumi li Joseph Muscat ma kien jaf b’xejn, għal sitt ġimgħat se jkollna prim ministru li huwa politikament responsabbli li għamel l-agħar ġudizzju ta’ prim ministru fuq l-eqreb bniedem lejh.”

Ma jiffunzjonax fix-xena internazzjonali

Waħda mir-raġunijiet li ta Dr George Vital Zammit, lettur anzjan fl-Università, l-għala Muscat għandu jitlaq immedjatament hija li l-anqas internazzjonalment ma jista’ jiffunzjona bħala Prim Ministru.

L-istess raġuni qalitha ma’ Newsbook.com.mt persuna oħra li ma xtaqietx tiġi identifikata:

“Sakemm jibqa’ Muscat fil-kariga, il-midja internazzjonali se tibqa’ tippublika storja wara oħra li jkomplu jagħmlu ħsara enormi lil Malta. Bir-raġun dawn se jibqgħu jgħidu li kien Joseph Muscat li mexxa l-pajjiż meta Keith Schembri u Konrad Mizzi nqabdu b’kontijiet il-Panama, inqatlet Daphne Caruana Galizia, u ma sar assolutament xejn fuqhom sakemm kelb tal-pulizija fetaħ Pandora’s box li minnha issa ħierġa l-verità kollha. Kif jista’ jibqa’ hemm, se jkomplu jgħidu t-Times ta’ Londra, il-Washington Post u La Repubblica. Malta u l-ekonomija tagħha għandhom jiġu ssuġġettati għal sitt ġimgħat oħra ta’ ‘bad press’ internazzjonali?”

Nuqqas ta’ serenità fil-pajjiż u fil-partit

Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università, fil-kumment li ta s-Sibt lil Newsbook qal li l-Prim Ministru m’għadux jista’ jagħti serenità li l-pajjiż jeħtieġ.

Mill-banda l-oħra l-preżentatur Peppi Azzopardi qal li “Il-Prim Ministru għandu jirriżenja immedjatament u jinħatar Evarist Bartolo bħala Prim Ministru interim, u jingħata biżżejjed żmien biex il-Partit Laburista jerġa’ jiġi għan-normalità u l-elezzjoni għall-mexxej il-ġdid jew il-ġdida ssir f’serenità.”

Osservatur ieħor stqarr ma’ Newsbook.com.mt dwar jekk Muscat iridx jibqa’ Prim Ministru biex jikkundizzjona t-tellieqa li se teleġġi s-suċċessur tiegħu, aktar u aktar jekk jista’ jkun li se jkun hemm xi kandidat jew kandidata li Joseph Muscat irid akkost ta’ kollox.

L-istess osservatur semma raġuni oħra dwar għala Muscat jista’ jkun li jrid jibqa’ Prim Ministru sa Jannar. Huwa qal li Joseph Muscat ilu għal numru ta’ ġimgħat jidher qisu parti mill-investigazzjonijiet għax kien qed jagħmel konferenza tal-aħbarijiet kuljum. Kompla jgħid li “jista’ jkun li għal xi raġunijiet li nistgħu nafuhom jew nistgħu ma nafuhomx irid li jibqa’ jkollu xi tip ta’ ‘mano in pasta’ fl-investigazzjonijiet?”

Huwa qal li  “b’Joseph Muscat bħala prim ministru, il-partit fil-gvern, il-Partit Laburista ma jistax ikollu tellieqa interna miftuħa, trasparenti u ġenwina biex jiġi elett is-suċċessur tiegħu.”

Il-pożizzjoni tal-PM mhix tnibbli – Il-Kamra tal-Ispiżjara

Il-Kamra tal-Ispiżjara qalet li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat m’għadhiex tenibbli. Hija qalet dan bħala assoċjazzjoni professjonali u bħala trade union affiljata mas-CMTU/ Hija appellat biex il-PM jirriżenja b’effett immedjat u biex il-Kabinett jesegwixxi miżuri ta’ trasferiment tal-poteri eżekuttivi bl-aħjar mod għall-ġid komuni.