Filmat: “Għandu jkun hemm indiċi tal-valur tal-kera” – Graffitti

Il-Moviment Graffiti qed jitlob li fil-qafas tal-liġi dwar il-kirjiet ta’ binjiet residenzjali jiddaħħal indiċi tal-valur tal-kera, stabbilit mill-Gvern, li juri x’valur għandhom postijiet differenti skont il-lokalità jew żona li jinsabu fihom. B’hekk jiġi stabbilit il-prezz mistenni għall-kiri u min jikri irid jagħmel dan bi prezz li jkun sa 10% aktar mir-rati stabbilit. Min-naħa l-oħra, min ikun se jikri biex joqgħod fil-post, ikun jaf xi prezzijiet għandu jistenna u b’hekk ma jkunx hemm esaġerazzjonijiet.

Fir-reazzjoni tiegħu għall-White Paper bi proposti dwar emendi fil-liġi tal-kera, Andre Callus mill-Graffiti qal fuq RTK li d-dokument qed jgħid għall-ewwel darba li għandu jkun hemm regoli fis-suq tal-kera. Iwieġeb ukoll għal dubji li jekk il-Gvern jintervjeni fis-suq, ikun qed jagħmel xi ħaġa llegali. Spjega li dan se jkun qafas legali kif isiru l-kuntratti fis-suq tal-kirjiet, kif hemm fil-maġġoranza tas-swieq Ewropej.

Bħalissa hemm ġungla fis-suq tal-kirjiet

Qal li bħalissa hemm ġungla fis-suq tal-kirjiet u hemm nies li qed jgħixu ħajjiet prekarji għax ma jafux jekk is-saqaf li hemm fuq rashom hux se jibqa’ hemmhekk. Spjega li bħalma fid-dinja tax-xogħol, il-kuntratti li jsiru jridu jkunu konformi mal-liġi, bħalissa r-regoli fis-suq tal-kera kważi ma jeżistux. Spjega li minbarra li l-prezzijiet tal-kirjiet huma għoljin ħafna għar-residenzi, bhalissa hawn familji li kull sitt xhur iridu jiċċaqilqu minn post għall-ieħor għax il-prezzijiet jogħlew ħafna f’daqqa jew is-sid jiddeċiedi ma jġeddidx il-kuntratt tagħhom.

Dwar il-White Paper, qal li dan hu dokument pożittiv ħafna għax hemm rikonoxximent li l-affarijiet ma jaħdmux kif inhuma. Semma l-proposta li jkun hemm minimu ta’ żmien ta’ kemm jista’ jkun twil il-kuntratt – la l-White Paper tgħaddi fi stadu ta’ ligi trid tiddiskuti kemm ikun twil il-minimu ta’ kuntratt. Graffiti tgħid li l-minimu għandu jkun ta’ tliet snin.

Id-dokument jagħti wkoll pożizzjoni li jkunu inċentivati kirjiet fit-tul. Andre Callus spjega li Graffiti hi favur li jkun hemm it-tliet snin minimu u wara dawk l-inċentivi biex is-sid iħallas inqas taxxa u min jikri ikun jaf kif se tkun il-kirja għal tul ta’ żmien. Iżda xorta waħda jkun hemm il-possibiltà li togħla l-kirja skont rata stabbilita, per eżempju sa massimu ta’ 4% fis-sena.

Spjega li b’hekk il-kirjiet ikunu jistgħu jogħlew b’mod prevedibbli u l-kirjiet ikunu iktar affordabbli.