“Għandu jinstema’ b’urġenza fl-interess nazzjonali” – Delia b’libell ieħor kontra DCG

Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ressaq libell ieħor kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galiza u qal li “fl-interess nazzjonali” r-rikors għandu jiġi mismugħ u deċiż fl-iqsar żmien.
Delia ħabbar li se jiftaħ it-tieni libell ilbieraħ waqt l-ewwel dibattitu bejn l-erba’ kanadidati għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Huwa ċaħad l-aħħar akkużi ta’ Caruana Galiza li fost l-oħrajn allegat li għandu kont f’Jersey fir-Renju Unit, u li mal-14-il sena ilu kien irċieva fih somom kbar ta’ flus minn prostituzzjoni f’Soho.
Ilbieraħ, Adrian Delia fetaħ libell ieħor, fil-konfront tal-istess ġurnalista, u insista li mhux qed jigdeb meta jgħid li m’għandux kumpaniji jew kontijiet barra minn  Malta. 
Fir-rikors tal-lum, Dr Delia qal li l-artikli ta’ Caruana Galizia jinkludu allegazzjonijiet “foloz, libellużi u malafamanti”, li fi kliemu huma intiżi biex itellfu u jnaqqsu mir-reputazzjoni u l-kredibilità tiegħu
Qal li dawn l-allegazzjonijiet se jkunu qed jikkawżaw danni irreperabbli fuq dawk kollha involuti fihom u se jnaqqsu l-fiduċja li fi kliemu jgawdi mal-kunsilliera u t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista, ftit qabel l-elezzjoni.
Delia qed jitlob lill-Qorti tiddikjara l-artikli bħala libellużi u malafamanti u biex Caruana Galizia tħallas għad-danni.
“Adrian Delia nduna li ma jistax jaħrab” – DCG
Intant, fl-aħħar ħin, Daphne Caruana Galizia għamlet referenza għal kliem Delia waqt id-dibattitu tal-bieraħ, meta qal li hu qatt ma qal li ma jżommx kontijiet għan-nom ta’ terzi persuni.
Huwa kien qed iwieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, meta spjega li jekk hu joffri servizzi lil klijenti, dawn m’għandhomx x’jaqsmu miegħu. Staqsa jekk hux il-każ li avukat li jiddefendi kriminal, ifissirx li jkun kriminal hu wkoll.
B’reazzjoni, Daphne Caruana Galizia qalet li dan huwa l-aħħar mod kif il-kandidat qed jipprova jiddefendi ruħu meta nduna li “ma jistax jaħrab” wara li ppublikat l-allegat dokument li juri li għandu kumpanija f’Jersey fuq ismu.
Caruana Galizia ddeskriviet id-dibattitu tal-bieraħ bħala “freak show.
Ara r-rikors hawn taħt:

Ritratt: Ian Noel Pace