Għandu 15 u diġà ġenju tal-kompjuter

Ta’ dik l-età kien kapaċi jifhem il-‘misteri’ tal-kompjuter daqslikieku kien speċjalista fl-IT. Għandek problema bil-kompjuter? Mur staqsi ’l Carlo! L-għaxqa tiegħu jipprogramma, jeditja films, joħloq websites u jiddisinja pubblikazzjonijiet żgħar.

Imma ta’ dik l-età Carlo mar għand il-Ħallieq wara li marad bil-lewkemija. Ta’ dik l-età kien diġà wera li teenager jista’ jkun xhud ħaj tal-Vanġelu. Fi Frar li għadda, il-Vatikan ħabbar li Carlo Acutis se jiġi ddikjarat beatu.

Kien iħobb jgħid, “Kulħadd jitwieled oriġinal, imma ħafna jmutu fotokopji.” Imma x’tista’ tagħmel biex tibqa’ oriġinal?

L-awtostrada għall-Ġenna

Carlo ddeċieda jpoġġi l-Ewkaristija fiċ-ċentru ta’ ħajtu. Kien isejħilha “l-awtostrada tiegħi għall-Ġenna”. Qabel jew wara l-quddiesa kien iħobb joqgħod fis-skiet quddiem it-Tabernaklu. Anki meta jgħaddi minn quddiem knisja, kien jidħol jagħti titwila lis-Sagrament u jgħidlu, “Ciao!”

Carlo kien żagħżugħ bħall-oħrajn, ma kienx perfett, imma kellu ħaġa waħda: kellu volontà soda ħafna. Lil ommu darba qalilha, “X’jiswa li tirbaħ elf battalja imma mbagħad ma tirbaħx lilek innifsek?” Battalja li rnexxielu jirbaħ kienet kontra l-ġenn li kellu għall-PlayStation. Meta induna li qed isir ilsir tiegħu, iddeċieda li ma jqattax aktar minn siegħa fil-ġimgħa fuqu.

Kien konxju ħafna taż-żmien; donnha qalbu ħebritu li ma kienx se jkollu ħafna minnu. “Kieku llum ħaj,” qalet ommu Antonia f’intervista fi Frar li għadda, “ma naħsibx li kien jaħli ħafna ħin fuq Facebook. Kieku llum żgur li kien jintefa’ b’ruħu u ġismu fuq l-internet għax kien jaraha għodda tajba biex jevanġelizza u jilħaq ħafna nies.” Fil-fatt Carlo laħaq żviluppa website dwar il-mirakli Ewkaristiċi, li tat bidu għal wirja internazzjonali magħrufa bħala “The Eucharistic Miracles of the World”, dwar 152 miraklu Ewkaristiku. Il-wirja diġà daret 3,000 parroċċa madwar id-dinja u hija disponibbli wkoll fuq DVD.

Carlo kien iqassam flus u ikel lil dawk li jgħixu barra fit-toroq ta’ Milan. Kellu wkoll kapaċità kbira jinduna minn xi problemi li jkunu għaddejjin minnhom sħabu, inklużi problemi ta’ kuxjenza jew abbuż ta’ drogi.

Tirrakonta omm Carlo

“Meta mmorru l-baħar,” tirrakkonta ommu, “dejjem kien iġib miegħu l-maskra biex jinżel inaddaf il-qiegħ, u meta kien joħroġ bil-klieb kien jiġbor iż-żibel li jsib barra – affarijiet żgħar, veru, imma kien jixtieq isebbaħ dik ir-rokna tad-dinja li kien jgħix fiha.”

Meta Carlo ħass li ma kellux ħafna aktar ħajja, darba qal lil ommu Antonia li kienet ħdejn is-sodda tiegħu, “Ma, nixtieq noħroġ mill-isptar, imma naf li m’iniex se noħroġ ħaj minn hawn … Kulħadd għandu l-Golgota tiegħu, ħadd ma jista’ jaħrab is-salib.” Anki ommu telgħet il-Golgota tagħha; għaddiet mill-esperjenza iebsa li tara lil binha jmut hekk żgħir f’Ottubru tal-2006.

Ħafna ppruvaw ifarrġu lil ommu u staqsew għaliex Alla ma ħax lil xi ħadd anzjan minfloku. Imma Antonia kienet tweġibhom, “Ma nistax ngħid li Carlo nqabad mhux ippreparat.”

Carlo Acutis kien irnexxielu jibqa’ oriġinal. Ma ħalliex lilu nnifsu jsir fotokopja.

Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn. 

Flimkien Cover Gunju