“Żgħażagħ tad-deheb, anke jekk ma jmorrux knisja”

Ritratt: Mario Muscat

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li hawn żgħażagħ li għalkemm ma jiġux daqshekk spiss il-knisja, xorta waħda huma tad-deheb. Waqt omelija fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur, l-Isqof Grech spjega kif il-miżien ta’ Kristu huwa differenti mill-miżien tal-bnedmin.

Semma kif xi drabi l-istess miżien ta’ Kristu huwa differenti wkoll mill-miżien li tħaddem il-Knisja. Dan għax qal li filwaqt li l-miżien tad-dinja jiżen il-kwantità, fil-każ ta’ Kristu, dan jiżen il-kwalità li toħroġ mill-qalb umana.

L-Isqof Grech saħaq dwar l-importanza li kulħadd ikun konxju mil-limitazzjonijiet morali tiegħu u għalhekk qal li hemm ir-riskju li jaqta’ qalbu minn Alla għax jaħseb li hu jkun qata’ qalbu minnu.

Argumenta li  f’kull bniedem hemm qalb u għalhekk hemm mumenti fejn dik il-qalb tagħmel ġesti żgħar kollha mħabba vera, u li jaf ikollhom konsegwenzi pożittivi għalkemm ħadd ma jinnotahom.

Irrefera għall-festa tal-martri San Koronatu fejn qal li s-soċjetà kienet beżqitu u ħallietu waħdu.  Hawnhekk għadda biex ifakkar ir-responsabbiltà ta’ kulħadd li jikteb l-istorja kontemporanja.

L-Isqof Grech qal li huwa konvint li illum hawn diversi nies li qed jgħixu l-ispirtu tal-martri fosthom ġenituri li huma ssagrifikati għal uliedhom, dawk li huma dejjem marbuta d-dar għax għandhom lil xi ħadd b’mard kroniku jew anzjan, jew ħaddiema li mingħajr ebda daqq ta’ trombi huma solidali ma’ sħabhom.