Għandna wieħed mill-isbaħ ċimiterji fl-Ewropa… x’inhi l-istorja tiegħu?

Ritratt: Miguela Xuereb

Iċ-ċimiterju tal-Addolorata, imlaqqam bħala wieħed mill-isbaħ ċimiterji fl-Ewropa, għandu storja ferm interessanti u li forsi ħafna ma jafux dwarha.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ raġel, ammiratur ta’ dan iċ-ċimiterju, li filwaqt li dawwarna maċ-ċimiterju, irrakkonta kif inbena. Il-Gvern Ingliż kien bagħat lill-Perit Emanuel Luigi Galizia jdur iċ-ċimiterji fl-Ewropa u minnhom jislet l-isbaħ kwalitajiet. Minn hemm, Galizia ġie ispirat biex jiddisinja dak li llum huwa magħruf bħala ċ-ċimiterju tal-Addolorata.

Iċ-ċimiterju dam seba’ snin jinbena, bejn l-1862 u l-1868. Madanakollu, ġie kkonsagrat sena wara, fl-1869. Huwa mibni fuq stil neogotiku, taħt id-direzzjoni tal-perit tal-Gvern ta’ dak iż-żmien, Mikiel Busuttil. L-għolja li jinsab mibni fuqha hija magħrufa bħala Tal-Ħorr.

Malli wieħed jidħol, immedjatament jara 13-il arkata. Dawn jissimbolizzaw lil Ġesù u l-appostli. Intant, il-fatt li ċ-ċimiterju huwa mibni fuq għolja, ifakkarna fl-għolja tal-Golgota.

Aqra: €8,000 għal qabar fiċ-ċimiterju tal-Addolorata

350,000 persuna midfuna

Fiċ-ċimiterju tal-Addolorata hemm mat-350,000 persuna midfuna. Propju ftit inqas mill-popolazzjoni kurrenti tal-pajjiż. Meta wieħed iżur dan iċ-ċimiterju jara bosta oqbra u kappelli tal-familji. Hemm midfunin persuni li ġejjin minn kull sezzjoni tas-soċjetà. Wieħed isib Prim Ministri, Imħallfin, Maġistrati u poeti. Iżda wieħed isib ukoll persuni komuni, u anke dawk fost l-ifqar tas-soċjetà.

X’inhuma l-kwalitajiet interessanti taċ-ċimiterju?

Kwalità interessanti li għandu dan iċ-ċimiterju huma l-istatwi u l-monumenti uniċi fuq għexieren ta’ oqbra. Madanakollu, l-immodernizzar u l-moda tal-produzzjoni tal-massa qed taħkem lil dan iċ-ċimiterju uniku. Dan hekk kif illum il-ġurnata, il-monumenti u l-istatwi kważi kollha huma l-istess.

Intant, bħalissa ċ-ċimiterju ttieħed f’idejn Campo Santo li qed tirrestawra u tkabbar iċ-ċimiterju. B’kollox se jkunu qed jiżdiedu 2,880 qabar ġdid wara investiment ta’ aktar minn €17-il miljun.  Se jsir ukoll restawr tal-kappella u l-grada taċ-ċimiterju. Dawn l-oqbra se jkunu qed jiżdiedu mas-16,000 li hemm bħalissa. Ix-xogħol fuq l-oqbra se jsir fuq perjodu ta’ tliet snin. Dan ix-xogħol se jsir fuq l-istess stil li bih mibni dan iċ-ċimiterju jiġifieri fuq l-istil Neo Gotiku.

Kull min jixtieq li jixtri qabar jista’ jagħmel kuntatt mad-Dipartiment tas-Saħħa.