“Għandna teżor nazzjonali” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, iddeskriva lis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta bħala qawwa umana u umanizzanti, u qal li s-saħħa fl-FAM ma tinsabx fit-teknoloġija, iżda l-bnedmin.
Dawn il-kummenti l-isqof għaddiehom f’ittra miftuħa li bagħat lill-FAM, wara żjara ta’ ġurnata li kellu ma’ uffiċjali tal-FAM waqt il-ħidma tagħhom ta’ kuljum.
“Matul din iż-żjara ltqajt ma’ teżor nazzjonali”, irrimarka Mons. Grech, u qal li jħossu jrid jirringrazzja lill-Istat Malti li jinvesti mhux ftit biex l-Armata tkun mgħammra tajjeb ħalli twettaq il-missjoni tagħha.
Aċċenna li sa ma qabel ma ltaqa’ magħhom, kien jassoċja s-suldati mal-kumbattimenti, iżda diż-żjara wrietu li ħafna mill-ħidma tas-suldati hija mmirata biex ikun hemm il-ħarsien tal-liġi kif ukoll biex tingħata għajnuna lil min isib ruħu f’qagħda ta’ periklu, bħal meta jsalvaw lill-immigranti mill-ibħra, meta jġorru xi marid minn fuq vapur lejn l-isptar, jew meta jissejħu biex ineħħu xi splussivi.
L-Isqof sema’ bosta rakkonti tas-suldati, u stqarr li beka meta sema’ xi wħud.
Fosthom semma l-esperjenza ta’ suldat li jkollu jiffaċċja l-pirati moderni, li qallu li llum min ikun involut fil-kuntrabandu tant huwa armat, li hu sar jibża’ meta jkollu jaffrontahom.
L-Isqof ħa ċ-ċans biex ifaħħar ukoll ix-xogħol ta’ min ma jidhirx, fosthom l-inġiniera li ddeskriviehom bħala ħaddiema li joħolqu. “Ħafna drabi minflok l-uniformi llamtata jkunu bil-boiler suit kollha tbajja’ taż-żejt jew għabra tal-injam. Għalkemm moħbija fil-ħwienet tax-xogħol jew fil-hangar, għaraft kemm is-sehem tagħhom huwa insostitwibbli”, enfasizza.
Temm jagħmel kuraġġ lis-suldati biex jibqgħu l-ħarriesa tal-aktar dgħajfa, u rringrazzja lill-Brigadier Jeffrey Curmi tal-istedina.