Għandna nitkellmu mat-tfal fuq COVID-19?

Catherine Smith hija Research Support Officer u Counsellor fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà l-Università ta’ Malta

Bħala riċerkatur fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà u anke bħala counsellor, nirrifletti ħafna fuq dak li nkun għaddejja minnu. Il-ħajja f’Malta mill-ġimgħa li għaddiet sal-lum inbidlet ta’ taħt fuq b’pass mgħaġġel ħafna. Filli kulħadd, inkluż it-tfal, għaddej fuq xogħlu, u filli ħafna minna spiċċaw magħluqin ġewwa djarna għal żmien indefinit. Aħna l-adulti, għalkemm ninsabu mħassba fuq is-sitwazzjoni personali, ta’ pajjiżna, kif ukoll tad-dinja u dak li jista’ jiġri minn minuta għall-oħra minħabba t-tixrid tal-coronavirus jew il-COVID-19, nifhmu l-bżonn li nieħdu, fuq livell personali, u jittieħdu, mill-awtoritajiet tagħna, deċiżjonijiet iebsa u li jistgħu jinħassu restrittivi ħafna. Imma t-tfal, għalkemm jafu li għalissa l-iskola waqfet, isegwu dak li qed jiġri f’Malta u d-dinja fuq il-mezzi tal-midja kif ukoll jisimgħu u jaraw l-imġiba tal-kbar, mhux bilfors jifhmu jew jagħmlu sens sħiħ minn dak li jħossu minħabba r-restrizzjonijiet il-ġodda.

Kunu ċari u korretti

Għalhekk ir-raġunijiet li nagħtu lit-tfal fuq dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu f’waqthom, korretti, ċari, veri, u mneżża’ minn kull biża’ bla bżonn. Pereżempju, ir-raġuni għaliex ma nistgħux inżuru n-nanniet u membri oħra tal-familja, kif ukoll noħorġu mal-ħbieb u mmorru f’postijiet fejn ikun hemm il-massa, għandhom ikunu bbażati fuq il-fatti tal-ġurnata kkomunikati mill-awtoritajiet tagħna u mhux stejjer magħġuna għall-okkażjoni li jagħmlu iktar ħsara milli ġid. Fil-fatt nistgħu nieħdu din l-opportunità biex ngħallmu t-tfal fuq għajxien responsabbli; rispett lejna nfusna, lejn xulxin u l-awtorità; u l-verità fuq kemm hi vulnerabbli saħħet l-anzjani u nies oħra b’mard kroniku u diżabilità.

Tħalluhomx jiddakkru mill-biża’ tagħkom

Barra minn hekk, għandna nżommu wkoll f’moħħna li l-biża’ nistgħu ngħadduha kemm bl-imġiba kif ukoll bil-kliem li nużaw biex ngħidu kif qed inħossuna jew biex niftehmu bejnietna. Ukoll, il-biża’ ngħadduha bin-nuqqas ta’ komunikazzjoni għax niddeċiedu li nżommu kollox magħluq ġewwa fina u ma ngħidu xejn lil ħadd daqslikieku dak li ma nitkellmux dwaru ma jaffettwanhiex jew se jisparixxi. Għalhekk, barra informazzjoni f’waqtha, korretta, ċara u vera, għandna wkoll nużaw biss, kemm ma’ xulxin kif ukoll mat-tfal, kliem ta’ serħan il-moħħ. U biex inġib eżempju, infehmu lit-tfal dak li qed jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa, bħal naħslu jdejna spiss u nevitaw li mmissu wiċċna. Ukoll, biex ngħattu ħalqna meta ngħattsu u noqogħdu kemm jista’ jkun fi djarna ħalli nevitaw it-tixrid tal-coronavirus. Fil-fatt dawn huma kollha eżempji ta’ informazzjoni f’waqtha, korretta, ċara, u vera kif ukoll sana u bżonjuża għal dawn iż-żminijiet bla preċedent. Nistgħu wkoll naqsmu magħhom u ngħinuhom jipproċessaw dak li qed jisimgħu u jaqraw fuq il-midja biex inkunu żguri li dak li qed jifhmu u jemmnu huwa minnu u mhux żbaljat.

Bil-kalma u skont l-età

Għalhekk nagħmlu tajjeb li naqsmu dan kollu mat-tfal, imma bil-kalma u l-ispjega kollha li għandhom bżonn skont l-età tal-iżvilupp tagħhom biex nevitaw li jesperjenzaw ansjetà żejda fuq dak li qed jipperċepixxu madwarhom. L-ansjetà għandha tendenza tonqos meta nipprovdu informazzjoni f’waqtha, korretta, ċara u vera ta’ kif nistgħu nevitaw it-tixrid u li nimirdu bil-coronavirus aħna wkoll. Nistgħu nserrħulhom rashom ukoll billi ngħidulhom li aħna, flimkien mal-mexxejja u l-awtoritajiet tagħna, qed naħdmu id f’id biex inżommu l-livell tas-saħħa għoli fostna. Però biex inkunu nistgħu nagħmlu dan, irridu l-ewwel nirriflettu u nkunu kapaċi nwarrbu l-partiġġjaniżmu, kif ukoll inżommu ruħna aġġornati bl-aħħar informazzjoni li nsibuha fuq il-mezzi ewlenin tax-xandir Malti. Barra minn hekk, nibqgħu kalmi kemm jista’ jkun għax l-imġiba tagħna l-adulti taffettwa t-tfal. Fil-fatt jitgħallmu minna kif għandhom iġibu ruħhom f’kull każ, speċjalment f’każ bħal dan għax s’issa għadna qatt ma rajna bħalu. Għalhekk, ejja nfittxu li nkunu sors ta’ informazzjoni f’waqtha, korretta, ċara u vera. Ukoll, li nibqgħu kalmi għax b’hekk nevitaw li noħolqu ansjetà żejda kemm f’ta madwarna kif ukoll fiż-żgħar tagħna.