“Għandna nisimgħu l-karba tal-immigranti” – l-Isqof Mario Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech appella biex wieħed ma jinsiex l-karba tal-immigranti, hekk kif l-Ewropa qed tipprova tagħlqilhom il-bibien.
Waqt il-pontifikal tal-festa ta’ San Ġorġ Martri, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, fir-Rabat Għawdex, Mons. Grech qal li l-festa ta’ San Ġorġ, li ħa l-martirju, tfakkarna fid-dramma ta’ dawk l-immigranti li qed ifittxu bieb li jiftħilhom futur.
Stqarr li hemm eluf ta’ persuni vulnerabbli li għandhom xewqa kbira li jsibu opportunità ġdida biex jibdew jiktbu paġna ġdida fil-ktieb tal-ħajja personali u familjari tagħhom, imma minflok ma jsibu min jgħinhom, hemm min qed jabbuża qatigħ minnhom.
Saħaq li sfortunatament hemm individwi, organizzazzjonijiet u saħansitra Stati li qegħdin japprofittaw mid-dgħufija tagħhom.
Sostna li mhux korrett li wieħed jorbot il-fenomenu tal-immigrazzjoni mal-kriminalità, it-terroriżmu jew l-espansjoni tal-Iżlam.
Qal li għalkemm attwalment l-immigranti ma humiex jaslu fuq xtutna, dan ma jfissirx li aħna nistgħu noqogħdu gallarija! Saħaq li hija responsabbiltà morali tagħna li ngħinu b’kull mezz biex aħna u l-Ewropa jkollna politika soċjali li tindirizza dan il-fenomenu.