Għandna nilqgħu lura lil Franco Debono fil-partit – Schiavone

Read in English.

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Hermann Schaivone qal li jemmen li l-partit għandu jkollu l-kuraġġ li jilqa’ fi ħdanu lil kulħadd, inkluż eks-deptutati u attivisti bħal Franco Debono.

Hu qal dan f’riflessjoni ibbażata fuq l-editorjal tat-Times of Malta li tkellem dwar kif il-partit issa jinsab fi triqtu biex jiġġenera ruħu mill-ġdid hekk kif se jkun qed jirrevedi l-politiki tiegħu.

Debono kien kisirha minn mal-Partit Nazzjonalista fl-2012 wara li vvota mal-Oppożizzjoni, li dak iż-żmien kien il-Partit Laburista, rigward il-baġit għall-2013. Dan kien wassal biex jieħu daqqa ta’ ħarta l-gvern immexxi minn Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru ftit xhur qabel ma kien imissha ssir l-elezzjoni.

Schiavone qal fuq Facebook li d-diversità tal-ħsieb fi ħdan partit politiku modern hi essenzjali. Qal li ma jimpurtax meta persuni ma jaqblux. Spjega kif fit-tliet snin li ilu Membru Parlamentari tgħallem li ma jimpurtax li jkun hemm deputati jikkritikaw b’mod miftuħ il-partit u jivvutaw skont il-kuxjenza tagħhom.

Hu spjega kif fl-aħħar leġiżlatura, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ġieli ħaduha bi kbira li deputati tagħhom, fosthom Franco Debono, ivvutaw kontra l-Gvern. Qal li fl-Ingilterra, fil-House of Commons, dan l-aġir jiġri spiss u ħadd ma jitkeċċa mill-partit.

Qal li f’din il-leġiżlatura ra diversi minn sħabu deputati jitkellmu u jivvutaw kontra dak li l-whip ikun talab minnhom. Insista li ma jaħsibx li għandhom joħduha kontra dawn id-deputati, iżda jekk iridu li jikbru bħala partit għandhom jilqgħu lill-individwi li m’humiex “yes man”. Irrimarka li fid-diversità hemm is-saħħa u li l-imġieba ta’ dawn il-persuni li marru kontra l-kurrent huwa riflessjoni li kienu 10 snin ‘il quddiem fil-mod kif jaġixxi deputat.

Temm jgħid li biex il-Partit Nazzjonalista jirbaħ, irid jinfetaħ għal aktar nies ġodda. Qal li jista’ jasal biss jekk ikollu kuraġġ jagħmel dan il-pass.