‘Għandna niftakru l-ippersegwitati madwar id-dinja matul is-sena kollha’ – L-Isqof Awżiljarju

Kurja – knisja.mt/ritratti

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li toħloq kuxjenza dwar il-persekuzzjoni ta’ persuni minħabba r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom huwa l-ewwel pass biex din il-persekuzzjoni tispiċċa.

Waqt intervista fuq 103FM, l-Isqof Awżiljarju Galea-Curmi tkellem dwar il-jum internazzjonali li jfakkar il-vittmi ta’ atti ta’ vjolenza minħabba r-reliġjon jew t-twemmin tagħhom, li qed jiġi ċċelebrat illum. Dan il-jum ġie rikonoxxut uffiċjalment waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Mejju li għadda. Mons. Galea-Curmi tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-jum, filwaqt li saħaq dwar l-importanza li jkun hemm għarfien u kuxjenza matul is-sena kollha u mhux f’jum wieħed biss.

“Huwa importanti li aħna nkunu nafu dwar dawk li qed ibatu minħabba r-reliġjon u t-twemmin tagħhom, u speċjalment ukoll kemm Insara, kemm Kristjani jiġu ppersegwitati,” saħaq Mons. Galea-Curmi. Huwa semma’ l-ħidma tal-fondazzjoni Aid to the Church in Need, li ilha iktar minn 70 sena tgħin lill-Kristjani li jbatu u jiġu ppersegwitati. Żied jgħid li l-vjolenza kontra l-Kristjani llum hija partikolarment preżenti f’diversi postijiet.

L-Isqof Awżiljarju spjega li l-ewwel pass biex il-persekuzzjoni tispiċċa, biex tonqos u anke biex jittieħdu l-miżuri neċessarji li huma t’għajnuna għall-Kristjani li jsofru l-persekuzzjoni hemm bżonn li tinħoloq kuxjenza. Temm jgħid li wieħed jagħmel tajjeb li jkompli jkun konxju u b’hekk jikber l-għarfien dwar il-qagħda ta’ dawk in-nies li huma ppersegwitati madwar id-dinja u naraw b’liema mod jistgħu jingħataw appoġġ biex jissaħħu fil-fidi u biex f’sitwazzjonijiet bħal dawn ikomplu jgħixu b’tama.

Aqra iktar:

“Ommi kienet marret funeral ta’ wieħed ‘għax ma kellu lil ħadd’”