“Għandna niffurmaw kuxjenza fid-dawl tal-Kelma t’Alla”

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li matul l-istorja saru ħafna ġudizzji koroh għax il-bniedem serraħ fuq il-kuxjenza awtonoma tiegħu. Sostna li hu dmir tagħna li niffurmaw il-kuxjenza morali tagħna fid-dawl tal-Kelma t’Alla u bl-għajnuna tal-Knisja u ma nistgħux nappellaw għall-kuxjenza jekk din ma tkunx iffurmata tajjeb.
Mons. Grech kien qed jitkellem waqt l-omelija tal-quddies li saret fl-anniversarju tad-dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran f’Ruma, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex.
Fl-omelija tiegħu l-Isqof t’Għawdex saħaq li llum irridu noqogħdu attenti li ma nipprofanawx it-tempju t’Alla, bħalma jiġri meta nitraskuraw id-dmir tal-edukazzjoni tal-kuxjenza. Sostna li hu d-dmir tas-saċerdoti li jgħinu fil-formazzjoni tal-kuxjenza retta billi jwasslu u jfissru l-Kelma t’Alla.
Qal li dan is-servizz jingħata kemm meta l-ġemgħa Nisranija tkun miġbura flimkien kif ukoll meta s-saċerdoti jkunu mitluba jakkumpanjaw individwalment lil xi ħadd.
Mons. Grech temm l-omelija tiegħu billi spjega kif l-iktar ħsara li tista’ ssir lil dan it-tempju hu meta ssir vjolenza lill-kuxjenza. Qal li l-libertà tal-kuxjenza hi dritt fundamentali tagħna l-bnedmin u li ħadd m’għandu l-jedd jobbliga persuna tmur kontra l-kuxjenza retta tagħha.