“Il-familja ta’ Daphne sfat imċarrta” – L-Isqof Galea Curmi

Ritratt: Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi sostna li l-bnedmin għandhom jieħdu ħsieb lill-familja daqs postijiet ta’ valur. Irrefera għall-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u stqarr li l-familja tagħha sfat imċarrta.

Dan qalu fl-Omelija waqt li kien qed jiċċelebra quddiesa fil-kappella fil-festa tal-Familja Mqaddsa li hi l-festa annwali fil-komunità tal-Bidnija.  Saħaq li minkejja li sar ir-restawr tal-knisja tal-Bidnija, il-ħajja ta’ Daphne qatt ma tista’ tkun irrestawrata.

“Il-villaġġ għandu tebgħa kbira”

L-Isqof stqarr li l-assassinju ta’ Daphne ħalla marka fuq il-Bidnija u fuq il-pajjiż. Qal li żmien ilu, il-Bidnija kien post tal-paċi, is-serenità u s-sbuħija, iżda llum imdallam bil-ġurnata “kerha” meta membru tal-komunità ġiet brutalment assassinata fil-wied li jieħu mill-Knisja għal barra l-Bidnija. Qal li din hi tebgħa kbira fuq is-soċjetà Maltija u li tibqa’ tebgħa ikbar jekk ma jinstabx il-mandant.

Mons. Galea Curmi sostna li f’din il-festa, il-Familja Mqaddsa tfakkar lill-bnedmin fir-rikkezza kbira li għandhom: il-familja. Qal li l-Familja Mqaddsa tfakkarna li aħna għandna nieħdu ħsieb il-familja daqskemm  nieħdu ħsieb ir-restawr tal-postijiet ta’ valur.

Mons. Galea-Curmi qal li l-Familja Mqaddsa kienet familja fejn il-prijoritajiet kienu f’posthom; familja fejn kien hemm tassew l-imħabba, is-sensittività u l-fedeltà.

Il-quddiesa saret propju wara li ġie inawgurat ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq il-kappella, li ammonta għal €85,000.

Aqra: Inawgurat ir-restawr fuq il-Knisja tal-Bidnija