Għandna nibqgħu niċċelebraw Jum l-Omm?

Bost huma dawk li jemmnu li wasal iż-żmien li wieħed jieqaf jiċċelebra Jum l-Omm minħabba l-mod kif qed tavvanza s-soċjetà.
L-argument jgħid li ladarba m’hemmx garanzija li t-tfal kollha, għandhom omm u missier, imma jistgħu jkunu tilfu lill-ommhom, ġew fostered, jew jgħixu mas-sieħeb il-ġdid ta’ wieħed mill-ġenituri tagħhom, jew saħansitra jkollhom ġenituri LGBTI+.
Jgħidu li ladarba s-soċjetà waslet f’dan l-istat hemm bżonn li wieħed jaħseb x’jgħaddi minn moħħ dawn it-tfal meta ommhom jew missierhom ma jkunux preżenti għall-ħarġa annwali ta’ Jum l-Omm organizzata fl-iskejjel, jew inkella il-Quddiesa.
Ommijiet tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u spjegaw li issa ħafna mill-iskejjel, inklużi skejjel tal-Knisja, qed jirrifjutaw li jiċċelebraw Jum l-Omm, u minnflok qed jagħmlu attivitajiet taħt l-isem ta’ ‘Guardians/Parents Day’, sabiex ikunu “aktar inklussivi”.
Saħansitra, xi persuni qed jinsistu sabiex il-ġenituri nnifishom jissieltu mal-iskejjel li għadhom s’issa ma biddlux iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Omm, sabiex jieħdu l-passi meħtieġa “biex ikunu aktar sensittivi għat-tfal li ġejjin minn familji ta’ tipi differenti”.
Madanakollu, kien hemm għadd ta’ persuni li kkritikaw dan ir-raġunar hekk kif sostnew li “omm dejjem hija omm” u m’għandux jinbidel l-isem sabiex ikun politikament korett.
Sostnew li Jum l-Omm ma jiċċelebrax lill-ommijiet naturali biss, iżda lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor iservu l-irwol li għandha l-omm fil-familja.
Persuni oħra argumentaw li d-dinja kollha tiċċelebra l-festa tal-Milied, anke saħansitra min mhux kattoliku, u Jum l-Omm m’għandhux ikun trattat bħala inferjuri.
Spjegaw li meta t-tfal jagħmlu l-kartolini fil-klassi, ħadd ma jġiegħlhom bilfors jiddedikawha għal ommhom, iżda jitħallew fil-libertà biex jagħmlu l-kartolina għal persuna li jixtiequ huma, tista’ tkun in-nanna, iz-zija, is-sieħeb tal-ġenituri, jew il-missier.
U inti x’taħseb? Jum l-Omm għandu jibqa’ jiġi ċċelebrat? Għidilna fil-kummenti.