“Għandna nħabbtu l-ideat mingħajr attakki personali” – Delia

Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li għandu jibqa’ jkun hemm tħabbit tal-ideat mingħajr attakki personali biex tinqered il-mibegħda.

Meta ltaqa’ mal-unjins, il-korpi kostitwiti u l-ġurnalisti, Adrian Delia sostna li dan għandu jsir biex ikollna soċjetà aħjar “għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu”.

Dr Delia saħaq li l-bibien tad-Dar Ċentrali huma dejjem miftuħin biex kontinwament il-partit iżomm kuntatt, jaqsam l-ideat u jikkomunika man-nies. Adrian Delia qal li hu dejjem iżomm lilu nnifsu disponibbli għall-ġurnalisti, u biex iwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom. Żied jgħid li huwa ta’ benefiċċju li fil-pajjiż ikun hawn id-djalogu u d-dibattitu u rringrazzja lill-ġurnalisti għall-irwol importanti tagħhom fid-demokrazija.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-unjins, il-korpi kostitwiti u l-ġurnalisti lkoll jirrappreżentaw lin-nies, u għalhekk il-politiċi għandhom l-irwol li jżommu kuntatt kontinwu magħhom biex jisimgħu l-vuċi tan-nies.