“Għandna l-viżjoni li ngħaddu lil Malta minn trasformazzjoni diġitali” – Clayton Bartolo

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjajri u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo jniedi boroż ta’ studju dwar l-Intelliġenza Artifiċjali

Ritratt: DOI / Pierre Sammut

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo nieda boroż ta’ studju li jammontaw għal €100,000 fil-qasam tal-Intellġenża Artifiċjali f’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali u l-Università ta’ Malta. 

Għal din l-okkażjoni l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali s-Sur Stephen McCharty innota kif ħafna esperti u speċjalisti barranin huma impressjonati b’dak kollu li qed isir fis-settur diġitali ta’ pajjiżna. B’dan kollu attribwit għal edukazzjoni li hija offruta f’Malta. 

Is-sur McCarthy spjega li kien għalhekk li ġie inkluż fond għal boroż ta’ studju fejn tidħol l-Intelliġenża Artifiċjali meta kienet qed tinbena l istrategija nazzjonali fl-istess qasam dan sabiex ikompli jitkabbar l-għarfien Malti fejn tidħol l-Intelliġenza Artifiċjali. 

Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Professur Alfred Vella rrimarka li din l-okkażjoni hija ċelebrazzjoni ta’ tnissil tal-għerf fost iż-żgħażagħ u anke nies oħrajn li huma interessati jagħmlu l-Intelliġenża Artifiċjali parti integrali mill-karriera tagħhom. 

Is-Sur Vella semma kif il-fatt li l-Università tkun involuta f’dan il-proġett hija b’mod naturali għaliex l-għan ta’ din l-istituzzjoni edukattiva huwa li tferrex l-edukazzjoni u ssaħħaħ dak li għada pitgħada se jkun parti minn ħajjitna.

“Jiena nixtieq li dawk l-istudenti li jibbenefikaw minn dawn il-fondi jużawhom bil-għan li nkomplu nsaħħu l-qasam tar-riċerka f’din it-tekonoloġija emerġenti”, kompla jgħid is-Sur Vella. 

Fl-indirizz tiegħu lil dawk preżenti, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo saħaq kif illum qed jitwieled proġett li permezz tiegħu ser tintwera l-viżjoni tal-Gvern fis-settur diġitali. 

“Tabilħaqq, illum qed niftħu l-bieb tad-dinja diġitali għal ġenerazzjoni ta’ llum u għada. Nistgħu niddibattu, jista’ jkollna ħafna ideat dwar fejn iridu nieħdu lil pajjiżna għas-snin li ġejjin. Anzi, ma fiha xejn ħażin li noħolmu bħala pajjiż. Għaliex meta ngħaqadna flimkien dejjem wasalna fid-destinazzjoni mixtieqa.  U għalhekk iva, għandna l-viżjoni li ngħaddu lil Malta minn trasformazzjoni diġitali. Ikollna pajjiż mibni fuq niċeċ ekonomiċi marbutin mat-teknoloġiji emerġenti. Fuq kollox pajjiż li jkun preparat għal kull daqqa esterna li tista’ ġġib magħha d-dinja ta’ illum”, qal is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo. 

Is-segretarju parlamentari kompla jgħid kif l-Intelliġenża Artifiċjali hija d-dinja ta’ illum u għada u bħala pajjiż irridu nkunu preparati għaliha. Għalhekk, il-boroż ta’ studju se jkunu mifruxin għal qasam akkademiku kollu u mhux biss għal dawk li għandhom esperjenza fil-qasam teknoloġiku. “Intix avukat, imprenditur, xjentist, għalliem, inġinier, nistiendek biex jekk għandek għal qalbek il-qasam tat-tekonoloġija emerġenti tapplika għal dawn il-boroż ta’ studji”, saħaq is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo. 

Finalment, huwa enfasizza li l-Gvern qed jaħdem biex titħejja l-infrastruttura diġitali għas-snin li ġejjin. Madankollu, is-suċċessi ta’ din il-viżjoni se jkunu ibbażati mhux biss fuq l-investiment fil-bini u apparat imma kemm inċentivajna żgħażagħ Maltin u Għawdxin biex jibdew karriera fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali. 

Ritratt: DOI / Pierre Sammut

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.