“Għandna l-opportunità nagħlqu l-istaġun tal-kaċċa qabel jiftaħ”

Il-koalizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa qalet li peress li r-referendum ġej qabel ma jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa, issa l-Maltin għandhom l-opportunità jagħlqu l-istaġun qabel jiftaħ.
Il-koordinatur tal-kampanja tal-koalizzjoni Romina Tolu qalet li dan ikun ifisser li eluf ta’ għasafar ikunu jistgħu itiru minn fuq Malta għall-Ewropa biex ibidu. Sostniet li barra minn hekk, kulħadd ikollu l-opportunità jgawdi l-kampanja mingħajr ma jħossu intimidat minn xi kaċċatur aggressiv.
Romina qalet li “fit-tliet xhur li ġejjin se nikkampanjaw biex inkunu ċerti li dawk kollha li jridu jaraw bidla pożittiva f’Malta jkunu jafu kif għandhom jivvutaw fil-11 ta’ April.”
Żiedet tgħidli l-11 ta’ April se tkun ġurnata storika għal Malta u qalet li dan ir-referendum se jagħti opportunità lill-pubbliku jivvuta għal futur aħjar għal Malta, għall-kampanja, għan-nies u għall-għasafar.
Sadattant, il-koalizzjoni se tkun qed tnedi l-kampanja tagħha fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.