“Għandna dritt nitkellmu fuq affarijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mad-diżabilità tagħna”

Persuni b’diżabilità għandhom id-dritt li jitkellmu fuq affarijiet li jmorru ‘l barra mid-diżabilità tagħhom. Dan qalitu ma’ Newsbook.com.mt Solange Bonello, mara li hija nieqsa mid-dawl u li bħalissa qed tkompli l-istudji tagħha.

Bonello kienet waħda mill-persuni li pparetċipaw f’avveniment organizzat mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. L-avveniment online sar bil-għan li jqajjem kuxjenza dwar l-istejjer ta’ persuni b’diżabilità li jagħmlu parti minn gruppi ta’ minoranza oħrajn. L-għan tal-avveniment kien li joħorġu b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet biex tkun assigurata l-inklużjoni ta’ dawn il-persuni.

Hi u titkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar x’tixtieq tara li jinbidel meta wieħed iħares lejn l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet differenti fis-soċjetà, Bonello qalet li waħda mill-affarijiet li jkidduha hija meta persuni b’diżabilità jingħataw opportunità biss jitkellmu fejn jidħlu diskussjonijiet dwar id-diżabilità. Qalet li meta jiġri hekk, ikun bħal qisu xi ħadd qed jgħid li l-persuni b’diżabilità m’għandhomx interessi oħrajn għajr id-diżabilità tagħhom. Filwaqt li temmen li huwa importanti li wieħed jitkellem dwar id-diżabilità tiegħu u l-problemi soċjali li jaffaċċja b’rabta ma’ dan, dan għandu dritt ukoll li jitkellem dwar affarijiet oħrajn li m’għandhomx x’jaqsmu mad-diżabilità.

Solange hija mara li twieldet b’diżabilità fil-vista tagħha magħrufa bħala Congenital Nystagmus. Wara diversi esperjenzi li għaddiet minnhom, hi tgħallmet tgħix bid-diżabilità tagħha minflok ħallietha taħdem kontriha. Sostniet li llum il-ġurnata hi titkellem b’ħafna iktar konvinzjoni dwar din id-diżabilità biex tkompli tqajjem kuxjenza u toffri sapport lil persuni oħrajn li forsi jkollhom bżonn.

Sostniet li l-ħajja mhux sejjem sabiħa, speċjalment meta tkun tagħmel parti minn grupp ieħor ta’ minoranza. Qalet kif ħafna drabi mhux talli jkollha turi li hi kapaċi minkejja d-diżabilità tagħha, imma wkoll ikollha turi li hi kapaċi minkejja li hija mara.

Solange qalet li s-suġġett partikolari magħżul mis-CRPD u l-impatt tiegħu fuq il-komunitajiet huwa kruċjali biex wieħed jitgħallem japprezza lill-bnedmin b’mod olistiku.

“Jiena persuna b’diżabilità, imma dik mhux l-unika ħaġa li tagħmilni jien. Jiena magħmula minn ħafna affarijiet oħra bħal kwalunkwe individwu ieħor. Id-diżabilità hija biss ħaġa waħda minnhom,” qalet Solange.

Dwar x’għandu jsir biex is-soċjetà ssir waħda iktar inklussiva għall-minoritajiet kollha, Solange qalet li hemm bżonn titqajjem aktar kuxjenza. Sostniet li mbarra minn hekk, għandha ssir ħidma kemm mill-entitajiet responsabbli u mill-minoritajiet innifishom. “Flimkien għandna niġġieldu għal soċjetà aktar inklussiva li ma tagħżilx liema parti ta’ ħajjitna għandhom relevanza u liema le. Dan jista’ jsir permezz ta’ parteċipazzjoni f’diskussjonijiet, kampanji u ħidmiet għal policies differenti,” insistiet Solange.

Hi u titkellem dwar l-istudji tagħha, Solange qalet li sabet sapport kbir minn diversi persuni madwarha li għamlu din l-esperjenza ta’ studju waħda eċċezzjonali. Qalet li minn dejjem kienet issemma l-vuċi tagħha meta kien ikollha bżonn xi tip ta’ gwida.

Solange temmet tgħid li minkejja li l-maġġoranza tal-minoritajiet kisbu drittijiet ugwali, l-istatus tal-ugwaljanza għadhom ma kisbuhx. B’hekk insistiet li hemm bżonn li jibqgħu jaħdmu biex titkompla titqajjem kuxjenza biex id-drittijiet ugwali jkunu implementati.