“Għandna bżonn lill-barranin jaħdmu f’Malta, ejja ngħinuhom” – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li f’Malta għandna bżonn lill-barranin biex jaħdmu għalhekk għandna ngħinuhom u mhux nibgħtuhom ‘il barra bil-vapuri.
Fil-Marsa, il-Prim Ministru qal li faċli li titkellem kontra l-immigrazzjoni imma din ma ġġibx soluzzjonijiet iżda taħdem biss biex ir-razziżmu jiżdied.
Saħaq li “l-politika tal-integrazzjoni ma ssirx mill-karti imma fil-prattika, jekk persuna barranija taqa’ fit-triq, ikun hemm il-Maltin li jmorru jgħinuha terġa’ tqum”.
Tkellem b’mod iebes għal min irid li jkeċċi lill-barranin minn Malta għax qal li huwa kruċjali li kulħadd jifhem il-bżonn li barranin jaħdmu fl-ekonomija Maltija.
Spjega li kieku l-imġieba ħażina jagħmluha nies Maltin, id-dwejjaq u l-frustrament ikun l-istess daqs meta ssir minn persuni barranin.
Għalhekk appella lir-residenti tal-lokalitajiet bħal Marsa, fosthom Birżebbuġa, l-Qawra u Buġibba, biex is-sentimenti f’każi bħal dawn ikunu “sentiment dwar l-ordni u l-infurżar u mhux diretti lejn min hu differenti minna”.
Qal li jirċievi ħafna emails, li minnhom ikun jaf meta l-infurzar ikun qed jaħdem u meta ma jkunx.
“Qegħdin Premier u rridu nidħlu għaċ-Champions League”
Il-Prim Ministru qal li Malta qiegħda tilab fil-Premier iżda rridu nidħlu għaċ-Champions League filwaqt li spjega li biex Malta teċċella, għandha bżonn aktar nies.
Fl-istess waqt, il-Prim Minsitru qal li l-prezz tal-propjetà huwa mistenni li jogħla aktar minħabba aktar nies u sostna mal-Marsin li din tista’ tkun waħda mill-vantaġġi għal dawk li għandhom id-djar fil-Marsa.
Dwar l-ambjent, il-Prim Minsitru qal li jrid itejjeb il-ħajja tan-nies billi jinħolqu aktar spazji miftuħa u ġonna fosthom f’Santa Venera.
Fisser ukoll l-investiment tal-Enemalta li permezz ta’ kumpanija Indjana se tibni ċentru tad-data f’waħda mill-mini tal-powerstation l-antika fil-Marsa. Spjega li permezz ta’ dan l-investiment multi-miljunarju, Malta gawdiet minn post diżabitat li nbidel fi proġett kbir teknoloġiku.
“Ir-rekord tal-ġid f’Malta ma jikkontestah ħadd”
Il-Partit Laburista bħala moviment kien l-aktar Gvern li kapaċi joħloq il-ġid u jagħti x-xogħol u spjega kif il-ġid li qed jinħoloq irid jasal għand kemm jista’ jkun nies.
Qal li s-saħħa ta’ soċjetà titkejjel minn kemm huwa b’saħħtu l-inqas fost il-fqar. Qal li l-Gvern qed jirnexxielu jnaqqas il-faqar fil-pajjiż.
Saħaq li mhux il-politika tal-Gvern li jadotta s-sistema ta’ Robin Hood, iġifieri li jisraq mingħand xi ħadd u biex jagħti lil ħaddieħor għax qal li Gvern Laburista jemmen li anki l-kbir għandu jkompli jikber.
Faħħar is-suċċess ta’ Malta fejn qal li aħna wieħed mill-pajjiżi fl-Ewropa u fid-dinja li għandna full employment u li għandna politika ekonomika ħielsa.
L-Awstralja u l-logħob tal-Commonwealth
Dwar iż-żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel fl-Awstralja, il-PM qal li d-delegazzjoni marret biex iġġib ix-xogħol.
Qabbel iż-żjara li għamel tmien snin ilu ma’ din ta’ issa fejn qal li tmien snin ilu kienet żjara ta’ rikordji u emozzjonijiet dwar meta l-Maltin telqu biex isibu xogħol f’kontinent ieħor, iżda din id-darba, il-Prim Ministru qal li n-neputijiet tal-Maltin, iridu jirritornaw lejn Malta biex jiġu jaħdmu.
Il-Prim Ministru fisser dan bħala sodisfazzjon u unur kbir.
Awgura lill-aletleti kollha tal-logħob bejn il-pajjiżi tal-Commonwealth fl-Awstralja, fl-istess ħin li qal li ma tantx iħobb jitlef. Stqarr li ma tantx għandu sens Olimpiku u qal li “wasal iż-żmien li Malta tibda tirbaħ”.
Ħabbar li l-Gvern se jkun qed jaħdeb fuq strateġija li teċċella fil-qasam tal-isports. Sostna li Malta diġa qed teċċella fil-wWaterpolo iżda qal li permezz ta’ dan il-pjan nazzjonali, Malta għandha tibda tirbaħ f’dixxiplini oħra.
Qal li mhux biżżejjed li nitfgħu il-flus biex nibnu l-iskejjel iżda hemm bżonn flus għat-taħriġ u programmi ċari għal viżjoni sportiva. Qal li s-surplus qiegħed għalhekk ukoll.