Għandna bżonn l-akbar għajnuna finanzjarja possibbli mill-UE – Delia

PN

Read in English.

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li Malta għandha bżonn l-akbar għajnuna finanzjarja possibbli mill-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-effetti tal-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija l-PN qal li Delia qal dan waqt summit virtwali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE).

Delia qal li l-ekonomija Maltija hija bbażata fuq l-investiment barrani u fuq it-turiżmu, żewġ setturi ekonomiċi li qalgħu daqqa kbira matul iż-żmien tal-pandemija.

“Mill-Oppożizzjoni qegħdin nibqgħu nipperswadu u nwasslu l-appell tagħna sabiex ningħataw l-ikbar ammont possibbli ta’ fondi u għajnuna għal żmien il-pandemija,  għall-familji tagħna, l-ħaddiema tagħna u għan-negozji tagħna.”, qal Delia. Delia qal li Malta qed iġġorr piżijiet finanzjarji kbar relatati mal-immigrazzjoni u l-popolazzjoni. Tenna li l-mudell ekonomiku tal-Gvern huwa li jkabbar l-ekonomija biż-żieda fil-popolazzjoni.

Intant fuq Facebook Delia rringrazzja lil Louis Galea għax-xogħol “fejjiedi li għamel fir-riforma tal-istatut tal-Partit Nazzjonalista.”

Ringrazzjament minn qalbi lil Louis Galea għax-xogħol fejjiedi li għamel fir-riforma ta l-istatut tal-Partit Nazzjonalista. Temmejt inkarigu delikat u storiku li nibqgħu nafuhulek. Grazzi.

Posted by Adrian Delia on Thursday, July 16, 2020

Il-Partit Nazzjonalista se jkollu laqgħa oħra tal-Eżekuttiv nhar il-Ħamis li ġej. L-aħħar laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN saret it-Tlieta li għadda. Bdiet għat-8pm u spiċċat wara s-2am fis-sigħat bekrin tal-Erbgħa filgħodu. F’dik il-laqgħa Adrian Delia tilef it-tieni vot ta’ sfiduċja kontrih. L-ewwel vot kontrih ittieħed mill-Grupp Parlamentari tiegħu.