“Għandi sal-Erbgħa fis-7pm biex nikkonvinċi lill-Oppożizzjoni tivvota magħna” – Zammit Lewis

Read in English.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li se jagħmel minn kollox biex sal-Erbgħa fis-7pm, l-Oppożizzjoni tivvota favur l-10 emendi kostituzzjonali li tressqu mill-Gvern wara t-tibdil propost mill-Kummissjoni Venezja.

Huwa qal li dawn l-emendi kostituzzjonali huma l-aktar importanti wara l-emenda numru erba’ tal-1987 dwar ir-rispett tal-vot. Hu qal li jrid lill-Oppożizzjoni tkun parti minn dan l-appuntament importanti favur is-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.

Dawn l-emendi għandhom bżonn l-appoġġ tal-Oppożizzjoni biex jgħaddu peress li emendi fil-kostituzzjoni għandhom bżonn l-appoġġ taż-żewġ terzi.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex ma jħallix lil min idaħħlu ġo ħajt iżda jkun mal-gvern u jivvota favur riformi li hemm qbil dwarhom mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Venezja. Huwa assigura lill-Oppożizzjoni li jekk huma se jkunu fuq in-naħa tat-tkissir il-pajjiż mhux se jaħfirilhom qatt. Madankollu, stqarr li jekk il-vot tal-Erbgħa ma jgħaddix, il-Gvern se jibqa’ kommess li dawn ir-riformi bżonnjużi jsiru.

Għalkemm l-Oppożizzjoni taqbel dwar it-tibdil propost fil-ħatriet tal-President u tal-Prim Imħallef li ssir biż-żewġ terzi, hi mhux qed taqblu dwar proċeduri ta’ riżerva (fallback position).