“Għandi ċertezza li mhu se jinbidel xejn” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalist Adrian Delia sostna li hu ċert li bit-tmexxija l-ġdida tal-Partit Laburista, irrelevanti min jiġi elett bejn Chris Fearne u Robert Abela, m’hu se jinbidel xejn.

Hu qal dan waqt intervista fuq Net TV illejla. Spjega li l-Gvern se jibqa’ eżatt dak li hu u m’hu se jinbidel xejn. Hu rrefera għall-aħħar diskors ta’ Joseph Muscat bħala Mexxej tal-Partit Laburista lbieraħ filgħaxija. Sostna li jweġġa’ meta jara li għandek Prim Ministru li qed jgħid lil dawk li se jkomplu jmexxu l-pajjiż minfloku biex “jeħilbu għax hemm minn fejn”.

Irrimarka li hu m’għandux fiduċja fil-kandidati. Qal li Robert Abela ma staħax jgħid li hu l-kandidat tal-kontinwità. Dwar Fearne qal li dan ilu sitt snin bilqiegħda maġenb Muscat u fl-aħħar ġranet deher mgħannaq ma’ Muscat.

“Għażlu li jaħbu r-rapport tal-inkjesta Egrant”

Mistoqsi dwar l-importanza li jitwettqu l-investigazzjonijiet li ssemmew fir-rapport ta’ Egrant, Delia sostna li l-Partit Laburista, partikolarment il-Prim Ministru u d-Deputati tiegħu kienu jafu x’fih dan id-dokument, u għażlu li ma jiħdux azzjoni.

Semma kif fl-aħħar jiem kien hu li talab lill-Pulizija tiftaħ investigazzjoni dwar Karl Cini tan-Nexia BT. Qal dan seħħ minkejja l-appell li għamel lil Fearne biex din l-investigazzjoni jitlob għaliha hu fil-kapaċità tiegħu bħala Deputat Prim Ministru.

“Il-poplu sar immune”

Delia sostna li tant ġraw affarijiet, li l-poplu bħal donnu sar insensittiv għal dak li qed jiġri madwaru. Qal li l-poplu dara u abitwa ruħu għal dak li hu ħażin. Qal li meta wieħed itambar il-ħażen ta’ kuljum, f’daqqa waħda dan jinfed il-mentalità u s-soċjetà u jsir in-normal.

“Il-ġurnalisti fi dmirhom li jistaqsu”

Dwar l-aħħar vjaġġi tal-Prim Ministru Joseph Muscat u n-nuqqas ta’ risposta għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti għajr il-kliem “none of your business”, Delia sostna li huwa fi dmir tal-ġurnalisti li jistaqsu dawn il-mistoqsijiet. Qal li hemm bżonn li l-pubbliku jsir jaf x’tip ta’ fondi intużaw biex Muscat imur Dubaj, u jekk intmexxewx fondi pubbliċi.