“Għandi bżonnkom biex nibnu r-reputazzjoni mill-ġdid” – Il-PM lill-Konsli Onorarji

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal lill-Konsli Onorarji li għandu bżonnhom biex jibni r-reputazzjoni Maltija mill-ġdid, fuq kollox ir-reputazzjoni ta’ ekonomija tajba.

Sostna li jeħtieġ li barra minn Malta jasal il-messaġġ li “Malta hija art fertili ta’ opportunitajiet għall-investiment u biex tgħid ħajja aħjar, biex persuna tavvanza għall-ħajja li jmiss,” il-messaġġ li Malta hi “eżempju ħaj ta’ kemm iċ-ċokon ma jillimitax il-kobor tal-viżjoni u tar-riżultati.”

Fil-laqgħa tiegħu mal-korpi diplomatiċi llum ukoll, il-Kap tal-Oppożizzjoni dewa kliem il-Prim Ministru meta qal li l-Gvern ma jistax jaġixxi waħdu biex jibni r-reputazzjoni ta’ Malta mill-ġdid, imma jeħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd.

F’diskorsu Abela rrefera kemm-il darba għal Malta bħala “pajjiż ta’ ugwaljanzi.” Qal li l-Kabinett il-ġdid għaqqdu b’tali mod li ssir enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin tal-Gvern: l-ambjent, il-ġustizzja u l-governanza u sfidi ekonomiċi.

“Is-saltna tad-dritt fuq quddiem tal-aġenda tal-Gvern”

Waqt laqgħa oħra mal-membri tal-korp diplomatiku, il-Prim Ministru qal li fuq quddiem tal-aġenda tal-Gvern hemm is-saltna tad-dritt.

Huwa ddeskriva l-2019 bħala “sena importanti għal Malta.” Qal li ġie rreġistrat progress fl-ekonomija u kien hemm iżjed surplus. Ix-xogħlijiet żdiedu u l-Gvern kompla bl-aġenda soċjali tiegħu, spjega Abela.

Iżda mhux kollox kien ward u żahar. Abela semma wkoll il-mistoqsijiet li tqajmu fuq is-saltna tad-dritt f’Malta, fuq l-istituzzjonijiet u fuq is-sistema ġudizzjarja. Wiegħed li dawn il-kwistjonijiet jinsabu fuq quddiem fl-aġenda tal-Gvern, u żied jgħid li pass ‘il quddiem f’dan kienet il-ħatra tal-Ministru Edward Zammit Lewis bħala l-Ministru l-ġdid għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba.

Skont il-Prim Ministru, Evarist Bartolo għandu jmexxi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ‘il quddiem, billi jżomm kuntatt tajjeb mal-pajjiżi li Malta għandha relazzjonijiet diplomatiċi magħhom.

Semma wkoll l-isforzi li qegħdin isiru fl-Afrika u fl-Ażja. Qal li l-Amerka Latina huwa l-pass li jmiss tesplora Malta.

Irrefera wkoll għall-progress li għamlet Malta fil-kwistjonijiet tad-drittijiet ċivili, fl-ugwaljanza, fl-awtonomija personali u l-kwistjonijiet tad-drittijiet tan-nisa. Madankollu, insista li jeħtieġ li jkompli jikber l-involviment tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-isferi ekonomiċi u politiċi.