“Għandhom jiżdiedu d-drittijiet tat-tfal imwielda minn stupru” – PD

Il-Partit Demokratiku qal li filwaqt li l-Att tal-Vjolenza Domestika, li qed jiġi diskuss fil-Parlament, jiffoka fuq l-istupru mill-aspett kriminali, jonqos milli jħares il-vittma u l-wild minn aspett soċjali.
Għalhekk, il-PD qed jipproponi li jinbidel Artiklu 150 ta’ Kapitlu 16 tal-Kodiċi Ċivili bil-għan li jiġu rikonoxxuti u jiżdiedu d-drittijiet tat-tfal li jitwieldu minn stupru.
L-istess bidliet għandhom jassiguraw serħan tal-moħħ lill-ommijiet vittmi tal-istupru u biex jaċċerta li min stupra jiġi ppenalizzat mhux biss kriminalment imma wkoll ċivilment.
Il-Partit Demokratiku qed jipproponi wkoll li tiżdied klawżola li tgħid li mill-mument li jirriżulta li wild ġie kkonċeput minn stupru, il-ġenitur li jkun ikkommetta r-reat jitlef l-awtorità fuq it-tifel jew it-tifla.
Dan sakemm ma hemm l-ebda riperkussjoni jew inkella tnaqqis ta’ responsabbilità biex dan jipprovdi l-manteniment u mingħajr ma jnaqqas mid-dritt tat-tfal li jkunu l-werrieta tiegħu.
Il-Partit Demokratiku faħħar l-inizjattivi li ttieħdu mill-Knisja biex joffru kenn u sapport lill-vittmi ta’ vjolenza domestika u abbuż sesswali, fosthom Dar Merħba Bik, SOAR u Dar Qalb ta’ Ġesù.
Faħħar ukoll is-servizzi offruti mill-Aġenzija Appoġġ u anke servizzi offruti mill-Gvern, fosthom Dar Għabex u servizzi għall-irġiel vittmi ta’ vjolenza domestika.
Il-Partit Demokratiku ħeġġeġ ukoll lill-pubbliku biex juri s-solidarjetà fil-mixja ‘Love doesn’t hurt’ organizzata għada fid-9:30am minn Dar Merhba Bik Foundation. Il-mixja tibda minn quddiem il-Kappella ta’ San Ġorġ Preca fi Blata l-Bajda sa Kastilja.