Għandhom jiftħu l-knejjes għall-quddies?

L-Isqfijiet Taljani u Conte jaħsbuha b’mod differenti

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, il-Ħadd li għadda (26 ta’ April) ħabbar it-tieni fażi tal-pjan sabiex l-Italja tkompli tirrispondi għall-pandemija. Fost diversi miżuri msemmija l-attivitajiet li fihom jinġabru l-folol tan-nies inkluż attivitajiet sportivi u reliġjużi li għadhom sospiżi u l-knejjes se jibqgħu magħluqin. Din l-aħbar qanqlet ir-reazzjoni b’saħħitha tal-Konferenza Episkopali Taljana (iċ-CEI) li ddeskriviet dan bħala attakk fuq il-libertà tal-kult.

Inġustizzja jew esaġerazzjoni

L-Editur ta’ Avvenire, Marco Tarquino, sostna li din hi inġustizzja. “Hi diffiċli tifhem kif numru ta’ attivitajiet se jitħallew joperaw ftit ftit, imma mhux se jkun permess li tattendi għall-Quddiesa” sostna Marco Tarquino.

B’ton kważi ta’ theddid iċ-CEI tgħid li l-ħidma ta’ għajnuna li qed issir mill-Knisja ssib is-sostenn tagħha fil-ħajja sagramentali. Donnu l-Isqfijiet qed jindikaw li dan il-provediment tal-Gvern Taljan se jwassal biex titnaqqas din l-għajnuna.

Dan iqajjem żewġ mistoqsijiet: li tkun nisrani hu ridott għall-parteċipazzjoni tal-quddiesa biss? Dawn il-projbizzjonijiet (temporanji u minħabba s-saħħa pubblika) tista’ ssejħilhom tfixkil tal-libertà reliġjuża u tal-kult? Jew hi ftit esaġerata?

Diskussjonijiet għadhom għaddejjin

Fil-ġimgħat ta’ qabel li tħabbar dan il-providement kienu qed isiru diskussjonijiet bejn l-Isqfijiet, il-Ministeru tal-Intern u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u dawn wasslu biex il-Ministru tal-Intern Luciana Lamorgese tikkonferma li “kienu qed jiġu studjati mill-Gvern Taljan miżuri ġodda sabiex il-libertà tal-kult tkun imfixkla l-inqas possibbli.”

Din l-istqarrija saret mill-Ministru f’intervista li tat lil Avvenire (il-ġurnal taċ-Ċei) il-Ħamis ta’ qabel. Fil-fehma tal-Isqfijiet il-providimenti mħabbra mill-Prim Ministru Conte kienet waħda li tmur kontra dak li saħqet il-Ministru stess.

Iċ-ĊEI fi stqarrija sostniet li waqt li għaddejjin dawn l-istess diskussjonijiet, b’mod espliċitu talbu li “fil-mument li jiġu mnaqqsa r-restrizzjonijiet, il-Knisja titlob li jkollha d-dritt li terġa’ tibda l-ħidma pastorali.”

Il-Gvern Taljan ikompli jinsisti

Il-Gvern Taljan min-naħa tiegħu ħass li xorta waħda l-quddies m’għandux isir bil-pubbliku. Sar magħruf li għalissa dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ, madanakollu nota li ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ikkonfermat li “fil-ġranet li ġejjin se jkomplu l-istudji sabiex jitħejjew mill-aktar fis possibbli regolamenti li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-poplu nisrani f’ċelebrazzjonijiet liturġiċi b’sigurtà massima.”

Il-Papa jitlob għall-prudenza

Sadanittant fil-Quddiesa minn Santa Marta, il-Papa Franġisku dalgħodu talab sabiex il-poplu nisrani jkompli jżomm mat-twissijiet sabiex kemm jista’ jkun noħorġu mill-pandemija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn