“Għandhom jagħmlu l-ispazju u jwarrbu” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li dawk li qed jagħmlu l-bsaten fir-roti lit-tmexxija tal-PN għandhom jagħmlu l-ispazju u jwarrbu sabiex il-partit ikun jista’ jiffunzjoni kif suppost.

Hu qal dan f’kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu. Delia rrimarka li bħalissa l-partit għaddej minn żmien diffiċli, irrispettivament għal dak li hemm għaddej internament fil-PN bħalissa. Delia rċieva żewġ voti ta’ sfiduċja wieħed mill-Grupp Parlamentari tal-PN u ieħor mill-Kumitat Eżekuttiv.

Hu rrimarka li ħafna mill-problemi fi ħdan il-partit ma bdewx ilbieraħ iżda għadhom ma ssolvewx. Delia qal li finalment iridu jieħdu deċiżjoni ta’ xi jridu n-nies mill-PN: “irridu lill-PN jingħaqad?”

Hu insista li se jibqa’ determinat li sakemm jibqa’ jgawdi l-fiduċja tat-tesserati tal-PN, ma jistax ikun hemm min fi ħdan il-partit jipprova jkissru.

“Imbagħad niskantaw kif is-surveys ma jkunux favurina”

Ġimgħa wara ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista baqa’ lura fis-surveys hekk kif il-Partit Laburista baqa’ dejjem jikseb aktar u aktar appoġġ. Delia kien qed jitkellem dwar kif minkejja l-korruzzjoni fil-pajjiż li ġiet min-naħa ta’ Gvern Laburista, il-PN baqa’ dejjem b’riżultati daqshekk baxxi. Hu insista kif minflok iffukaw fuq ir-raġun li l-Awditur Ġeneral ta lil Delia dwar il-ftehim tal-Vitals Global Healthcare mal-Gvern Malti dwar it-tliet sptarijiet, id-deputati Nazzjonalisti ħolqu aktar polemiċi interni. Hu qal li “mbagħad niskantaw kif is-surveys ma jkunux favurina.”

Irrimarka li biex il-PN jibda jmur aħjar fis-surveys, irid jara li jsolvi l-problemi interni. Qal li l-PN irid joffri soluzzjoni malajr ta’ kif jista’ jiggarantixxi futur aħjar. Hu appella għall-għaqda biex flimkien jiġġieldu l-korruzzjoni u biex kull min mhux lest jagħmel dan, iwarrab mill-partit u jagħmel l-ispazju.

Lil Delia x’qed iżommu għaddej?

Dwar x’qed iżomm lil Delia għaddej, hu qal li huma l-fidi tiegħu li qed jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għall-partit, għal pajjiżu u għall-Maltin. Insista li m’għandux għaliex jiddejjaq għax hu m’għandu xejn fuq il-kuxjenza tiegħu. Irrimarka li hu bniedem pożittiv u ma jipprattikax politika ta’ mibgħeda. “Bit-tgħajjir u l-gambetti mhux se naslu,” insista Delia.