“Għandhom ikunu jistgħu jaħdmu f’Malta jekk b’dokument validu minn stati membri oħra”

www.pexels.com

Read in English.

Persuni barranin għandhom jiġu rikonoxxuti f’Malta jekk ikollhom dokumenti validi biex jaħdmu maħruġa minn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Din hija l-fehma tad-Direttur tal-Jesuit Refugee Service (JRS) Dr Katrine Camilleri.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Pulizija qalet li din is-sena, sas-27 ta’ Awwissu, 1,523 persuna barranija nstabu b’dokumenti validi maħruġa mill-Italja, li iżda mhumiex konformi mal-liġi f’Malta. B’kollox, s’issa, fl-2019, il-Pulizija mid-Dipartiment tal-Immigrazzjoni sabet 2,060 immigrant b’dokumenti validi maħruġa minn stati membri oħra u li jinkludi dawk b’dokumenti li nħarġu mill-Italja. Fl-2018 instabu 950 immigrant f’Malta li kellhom id-dokument tar-residenza maħruġ minn stat membru ieħor.

Persuni minn barra l-Unjoni Ewropea b’permess ta’ residenza u persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali li tinħareġ minn Stat Membru ieħor, jistgħu jibqgħu f’Malta għal perjodu ta’ 90 jum. Dawn il-persuni ma għandhomx dritt li jibqgħu Malta b’mod permanenti jew li jaħdmu b’mod legali f’Malta.

Dwar jekk għandux ikun hemm mekkaniżmu li jagħmilha iktar faċli għall-persuni li ngħataw protezzjoni fi stat membru biex ikunu jistgħu jaħdmu f’Malta, Dr Camilleri wieġbet “iva”. Spjegat li ma jagħmilx sens li wieħed jirrispetta deċiżjoni negattiva maħruġa fi stat membru iżda mhux waħda pożittiva. Fissret li meta persuna tingħata l-protezzjoni jkun ifisser li l-persuna hi rikonoxxuta u ma tistax tintbagħat lura lejn pajjiżha. Hi saħqet li minħabba ċ-ċirkustanzi speċjali li fihom isibu ruħhom dawk li jingħataw protezzjoni, dawn għandhom jiġu ttrattati aħjar minn kategoriji ta’ immigranti.

Camilleri żiedet tgħid li jekk persuna li għandha l-protezzjoni u għandha d-dritt legali li tgħix fl-Unjoni Ewropea iżda ma għandhiex iċ-ċans li tgħix f’dinjità fl-istat membru fejn inħarġet il-protezzjoni, allura din il-persuna għandha jkollha l-opportunità li tmur fi stat membru ieħor. Stqarret li f’każ li jsibu xogħol dawn għandhom jingħataw l-opportunità li jaħdmu b’mod legali.

Id-direttur tal-JRS stqarret li b’politika bħal din, wieħed ikun jista’ jtaffi s-sitwazzjoni ta’ familji li huma mifruda bejn stati membri mingħajr possibilità li jerġgħu jingħaqdu minħabba l-istat legali tiegħu.

Camilleri rrimarkat li minn perspettiva nazzjonali, hi kontroproduttiva li jkollok sitwazzjoni fejn għadd kbir ta’ ħaddiema qed jgħixu u jaħdmu barra l-protezzjoni li tagħti l-liġi. “Din mhix biss ta’ detriment għall-individwi nfushom li huma esposti għall-isfruttament u l-abbuż, iżda wkoll għall-workforce lokali u l-pajjiż.”

Aqra iktar:

“Immigranti trattati daqslikieku għamlu reat”