​Għandhom dritt jistrajkjaw; aħna lesti nkomplu nitkellmu – Fearne

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) għandha dritt tieħu azzjonijiet industrijali, iżda li l-Gvern għadu lest li jkompli bit-taħditiet magħha biex tinstab soluzzjoni fl-aħjar interess ta’ kulħadd.
Fil-Parlament, wara mistoqsija tal-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius, il-Ministru qal li l-Gvern kellu diskussjonijiet mal-MAM u jinsab miftuħ li jiltaqa’ magħhom kemm illum, għada jew wara l-istrajk.
Stqarr li filwaqt li f’dan l-istadju ma jħossx li jagħmel stqarrija ministerjali, il-Gvern jibqa’ determinat li jsib soluzzjoni kif għamel fil-każ tal-infermiera, l-ispiżjara u l-fiżjoterapisti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa jekk il-Gvern jidhirlux li kien hemm ksur tal-ftehim oriġinali, li allura jippermetti lill-Gvern jieħu l-isptartijiet lura mill-Vitals Global Healthcare (VGH).
Min-naħa tiegħu l-Ministru Fearne qal li d-dibattitu dwar it-trasferiment tal-ispartijiet mingħand il-VGH għal Steward Global Healthcare kien sar fil-Parlament u li l-Gvern ma jridx inaffar investiment futur  billi jhedded li se jieħu l-isptarijiet lura.