“Għandha tinħoloq awtorità li tirregola s-settur tal-bini” – Maġistrat

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech saħqet li għandha tinħoloq awtorità li tirregola s-settur tal-kostruzzjoni b’serjetà u professjonalità mistennija f’pajjiż Ewropew. Dan qalitu fid-deċiżjoni li tat dwar każ fejn żagħżugħ Franċiż tilef ħajtu b’mod traġiku wara li ċeda ħajt.

Il-każ seħħ fl-1 ta’ Awwissu tal-2011 fis-Swieqi, f’post li kien qed jinkera għal skopijiet turistiċi. Iż-żagħżugħ Quentin Antoine Marie Michel kien flimkien ma’ sħabu fuq btala f’Malta. Hu kien qed ilesti biex imur jgħum fil-pool li kien hemm meta bdew jieħdu r-ritratti bħala tifkira.

Fil-Qorti ħareġ li l-vittma kien qed jippoża mal-ħajt taparsi tiela’ miegħu meta dan ċeda u ġġaraf għal fuqu. Il-ħajt tbewwaq il-ġewwa u waqa’ fuq iż-żagħżugħ fi ftit sekondi li dan kien qed jippoża mal-ħajt.

‘Ħajt mibni b’mod dilettantesk u bi traskuraġini liema bħala’

Fil-Qorti ħareġ li l-ħajt la kien fuq il-pjanti u sar wara li tlesta l-proġett. Mix-xhieda tal-kuntratturi ħareġ li s-sid kien qalilhom biex jibnu l-ħajt. Ħareġ ukoll li l-kuntratturi naqsu milli jiċċertifikaw il-ħajt.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Maġistrat Frendo Dimech osservat li qed tikber l-għajta li jkun hemm iktar regolamentazzjoni serja u komprensiva fis-settur tal-bini. Hi saħqet li f’Malta m’hemmx reġistru tal-bennejja fejn juri li l-persuni huma reġistrati fis-sengħa partikolari. Hi rreferiet għall-inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni u rreferiet għalihom bħala ‘xena kwotidjana’. Sostniet li mhuwiex aċċettabli li persuna li qatt ma ħadmet fil-kostruzzjoni tispiċċa taħdem fuq sit u tkun ta’ sogru għaliha nnifsha u oħrajn.

Il-Maġistrat għamlet numru ta’ domandi li għandhom x’jaqsmu mar-regolamentazzjoni tal-bini fid-deċiżjoni tagħha, fosthom min qed jassigura li qed jitħaddmu persuni li għandhom il-liċenzja, min qed jassigura li l-kuntratturi tassew jafu xogħolhom, fost oħrajn.

Il-Qorti nnuttat li n-nuqqas ta’ regolamentazzjoni jew organizzazzjoni qed twassal biex issir ħsara lill-kuntratturi u bennejja li huma professjonali u li jżommu mal-obbligi u jaġġornaw ruħhom fis-settur tal-bini.

Intant, il-Qorti appellat ukoll lill-istituzzjonijiet għal reviżjoni tal-piena massima pekunjarja sabiex fiha jiġi rifless il-gravità tar-reat fejn sforz traskuraġni u negliġenza tintilef ħajja umana.

Fid-deċiżjoni tagħha, is-sidien tal-post ġew illiberati mill-akkużi miġjuba kontrihom. Filwaqt li l-kuntratturi ġew ikkundannati għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

James Mifsud u Gordon Farrugia ġew ordnati jħallsu €2,424.56 fi spejjeż għall-periti maħtura.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.

Għall-imputati dehru l-avukati Joe Ellis, Joe Giglio u Robert Abela.

Filwaqt li għall-familja tal-vittma deher l-avukat Michael Zammit Maempel.