Għandha tingħata attenzjoni għall-protezzjoni tal-minuri fis-seminarji

Membru tal-Kummissjoni tal-Vatikan għall-Protezzjoni tal-Minuri qal li s-seminarji għandhom jagħtu attenzzjoni kbira għall-protezzjoni tal-minuri u persuni vulnerabbli fil-programmi ta’ formazzjoni tagħhom u mhux jitrattaw dan is-suġġett f’lezzjoni waħda.
Waqt li kien qed jindirizza symposium bit-tema “Formazzjoni u Salvagwardja fit-Taħriġ Reliġjuż fis-Seminarji”, il-Professur Hans Zolner mill-Universita’ Gregorjana ta’ Ruma, qal li fil-programmi tat-tagħlim tas-seminarji għandhom jiddaħħlu korsijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tal-minuri.
Is-seminarji ma għandhomx jibżgħu jagħmlu dan u s-suġġett anqas għandu jiddaħħal biss fil-qasam tas-sesswalita. Dan għandu jkun parti mill-istudju biex wieħed jifhem sew x’inhu xogħol pastorali.
Prof Zolner ikkritika l-fatt li l-Knisja ma għandhiex teoloġija fuq is-salvawardja tat-tfal u nuqqas ta’ teoloġija fuq it-tfulija. Hu staqsa kif tista’ l-Knisja tkellem ma’ vittmi ta’ abbuż dwar is-salvazzjoni meta bħalissa l-enfasi hi li wieħed jista’ jsalva minn dnubietu. “Kif  tista’ tgħid dan lil min kien abbużat meta d-dnub ma għamlux hu imma sar fuqu”?
Qal li studju urew li l-eta’ ta’ qassis HHH  nnmeta jwettaq l-ewwel abbuż hi ta’ 39 sena. Dan ifisser li mhux iċ-ċelibat li jwassal biex isir l-abbuż għax kieku dan jibda aktar qabel, meta wieħed isir saċerdot f'nofs is-snin 20. Iċ-ċelibat ma jispjegax l-imġieba sesswali abbużiva għax kieku ma tispjegax kif tant nies li mhux ċelebi jabbużaw mit-tfal u kif tant saċerdoti oħra ma jabbużawx.
“Għalhekk l-isfida ewlenija hi kif wieħed jgħix ċelibat impenjat u bis-sens fil-ħajja saċerdotali u għal dan hemm bżonn li jkun hemm formazzjoni kontinwa u appoġġ lis-saċerdoti anke wara l-ordinazzjoni tagħhom”, sostna Prof Zolner.