“Għandha ssir inkjesta pubblika; kieku Daphne għalqet 55” – Delia

Daphne Caruana Galizia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia saħaq li l-partit se jibqa’ jinsisti għal inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, meta fakkar li Daphne llum kieku għalqet il-55 sena.

Huwa rrefera għall-fatt li l-Ministru Carmelo Abela kien wiegħed lil Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth tar-Renju Unit li fit-terminu ta’ tlett xhur imposti fuq il-Gvern mill-Kunsill tal-Ewropa, kien sejjer iwaqqaf inkjesta pubblika.

Delia sostna li Abela kien wiegħed li l-inkjesta se tinvestiga jekk il-miżuri li ħadu l-awtoritajiet kinux adegwati biex jipproteġu l-ħajja tal-ġurnalista, iżda li l-Gvern “issa ilu xhur sħaħ ikaxkar saqajh sabiex jagħmel dak li titlob is-saltna tad-dritt.”

Delia rrefera wkoll għar-rapporti tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-GRECO li kienu rrimarkaw fuq is-sens ta’ impunità f’Malta. Żied jgħid li fil-15 ta’ Lulju bagħat ittra dwar il-każ lill-Prim Ministru Joseph Muscat iżda qal li ma rċeviex risposta.

Aqra: Hemm bżonn li tittieħed azzjoni immedjata – GRECO

Aqra: Assassinju Daphne: Rapport fil-Kunsill tal-Ewropa biex toħroġ “il-verità”