Għandek xi kitbiet li tixtieq tippubblika?

Leħen il-Malti ilu jiġi ppubblikat għal 89 sena. Il-Bord Editorjali għal għadd 39 qed jilqa’ s-sottomissjonijiet biex jintgħażlu għall-pubblikazzjoni.

Ir-rivista Leħen il-Malti tinħareġ kull sena mill-Għaqda tal-Malti – Università, li twaqqfet fl-1931 miż-żewġ kittieba Rużar Briffa u Ġużè Bonnici, li dak iż-żmien kienu studenti tal-mediċina. Ir-rivista kienet parti mir-raġuni għaliex twaqqfet l-għaqda – sabiex tagħti lok lill-kittieba żgħażagħ fejn jippubblikaw il-kitbiet tagħhom peress li għal kittieba ikbar kien hemm l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (illum l-Akkademja tal-Malti) u l-ġurnal tagħha Il-Malti.

Uħud mill-kittieba li l-kitbiet tagħhom dehru f’Leħen il-Malti tul is-snin kienu Rużar Briffa, Ġużè Bonnici, Dun Karm Psaila, Anton Buttigieg, Ġużè Aquilina, Sir Temi Zammit, Oliver Friggieri, Victor Fenech, Charles Casha, Carmel G. Cauchi, Rita Saliba, Nadia Mifsud, Immanuel Mifsud, Clare Azzopardi, Leanne Ellul u John P. Portelli. Minkejja dawn l-ismijiet prominenti, Leħen il-Malti għadu jaqdi l-għan ewlieni tiegħu li jservi ta’ pjattaforma għall-kittieba emerġenti u sikwit jippubblika kitbiet ta’ żgħażagħ li qatt ma kellhom kitba ppubblikata qabel.

Il-kitbiet sottomessi jistgħu jkunu poeżiji, novelli, traduzzjonijiet, jew anke kitbiet lingwistiċi, kritiċi jew kulturali.

L-Editur Ġenerali ta’ din il-ħarġa huwa Romario Sciberras, il-President tal-Għaqda. Il-membri tal-Bord Editorjali huma Thea Farrugia, it-Teżoriera tal-Għaqda, Ayrton-Didier Brincat, Sandy Calleja Portelli, Francesco Grech, Adrian Grima, Tyrone Grima, Nicole Piscopo, Daniel Schembri u Noel Tanti.

Is-sottomissjonijiet iridu jintbagħtu fuq sottomissjonijiet@gmail.com jew inkella bil-posta sal-31 ta’ Jannar.

Aktar dettalji hawn.