Għandek tħalli lit-tfal jixorbu l-ħalib qabel jorqdu?

Riċerka ġdida ppubblikata fil-ġurnal Archives of Diseases in Childhood, sabet li l-ġenituri m’hemmx bżonn jieqfu jagħtu l-ħalib lit-tfal qabel ma jorqdu minħabba li l-kalċju li fih il-ħalib huwa essenzjali fl-iżvilupp u s-saħħa tal-għadam tagħhom.

Tabib fl-isptar Royal Brompton f’Londra, Dr Ian Balfour-Lynn qal li d-dipartiment fejn jaħdem hu, bosta ġenituri jgħidu li ma jagħtux ħalib lit-tfal qabel jorqdu minħabba li jaħsbu li l-ħalib iżid il-produzzjoni tal-mukus mill-pulmun. Madanakollu, ir-riċerka ġdida sabet li dan mhux minnu.

It-tabib spjega li ħafna jaħsbu hekk minħabba l-mod kif il-ħalib jinħass meta wieħed jixorbu. Spjega li meta l-ħalib jiltaqa’ mal-bżieq, bħal li kieku jikber fil-volum. Meta wieħed jibla’ l-ħalib tibqa’ qisha lega. Għal din ir-raġuni bosta jaħsbu li din hija mukus.

Hu sostna li l-ħalib huwa sors ta’ kalċju importanti ħafna kemm għat-tfal, kif ukoll għall-adulti u għaldaqstant hemm bżonn li wieħed jieħu l-ammont adegwat ta’ kalċju sabiex is-saħħa tal-għadam tibqa’ tajba filwaqt li  jipprevjeni ċans ta’ ostjoperożi. Hu kkwota riċerka li turi li tfal li jixorbu inqas ħalib jibqgħu qosra u l-għadam ma jkunx daqshekk f’saħħtu.