Għandek tfal li jsibuha diffiċli biex jispellu bil-Malti?

Għandek tfal li jsibuha diffiċli biex jispellu bil-Malti? Li ma jistgħux jaqbdu art tal-verbi u l-konjugazzjonijiet? Spelling bee bil-Malti tista’ tgħinhom jifhmu aħjar kif jispellu l-kliem b’mod divertenti.

Tfal ta’ bejn it-8 snin u t-13-il sena għandhom l-opportunità jispellu flimkien, fi spelling bee bil-Malti, organizzata għat-tieni sena konsekuttiva mill-Għaqda tal-Malti – Università u r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.

Fi stqarrija, l-Għaqda tal-Malti spjegat li t-tfal se jkollhom jitilgħu fuq il-palk, u jispellu kelma war’oħra, wara xulxin, kif imisshom, sfida li tgħinhom jegħlbu l-mistħija wkoll.

Din is-sena, l-ispelling bee se tkun preżentata minn Danusan, iż-żewġ personalitajiet Maltin magħrufin għall-kummiedji tagħhom. It-tfal żgur mhux se jiddejqu jispellu!

L-ispelling bee se tinqasam f’2 sessjonijiet: waħda għal dawk li għandhom bejn 8 u 10 snin, u oħra għal dawk ta’ bejn il-11 u t-13-il sena. It-3 rebbieħa ta’ kull sessjoni se jieħdu rigali sbieħ mingħand Merlin Publishers u r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, kif ukoll ċertifikat ta’ parteċipazzjoni għal kulħadd.

L-ispelling bee li se ssir fid-19 ta’ Settembru bejn is-6pm u t-8pm fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta, qiegħda ssir bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Ewropew tal-Lingwi li l-Unjoni Ewropea tiċċelebrah fis-26 ta’ Settembru. F’Malta se jiġi ċċelebrat fit-22 ta’ Settembru mill-istess organizzaturi fi Pjazza Sant’Anna f’Tas-Sliema.

Dawk interessati biex uliedhom jipparteċipaw f’Żanżan Kelma jistgħu jibagħtu messaġġ fuq il-paġna tal-Għaqda tal-Malti fuq Facebook, jew jibagħtu fuq ghaqdatalmalti@gmail.com.