Għandek soluzzjoni għat-traffiku? Tista’ tirbaħ premju!

Qed jiġu offruti €1,800 bħala Premju għall-Innovazzjoni mill-Proġett Aegle, għal kull min jista’ joħroġ b’kunċett ġdid għal mobilità aktar sostenibbli f’Malta. Il-maniġer tal-Proġett Aegle, Nicoletta Moss innutat li kulħadd jidher li għandu opinjoni dwar kif tista, tissolva l-problemi ta’ mobilità fil-pajjiż, u l-Proġett Aegle jagħti opportunità lil dawn in-nies biex jikkomunikaw l-opinjonijiet tagħhom.

Biex tieħu sehem f’din il-kompetizzjoni, irreġistra hawn, imla l-applikazzjoni u ibgħat deskrizzjoni qasira tal-idea lil info@projectaegle.com.mt. Ir-rebbieħa se tintgħażel mill-ġurija ta’ esperti u sponsors nazzjonali fl-14 ta’ Diċembru, u se ssir ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fl-24 ta’ Jannar. Min jikklasifika fl-ewwel post se jingħata €1,000, €500 għat-tieni post u €300 għat-tielet post.

Il-Proġett Aegle għandu l-għan li jgħin fis-sistema ta’ użu personali tal-karozzi, problemi ta’ konġestjoni u parkeġġ, u kif dan jorbot mat-telf ekonomiku u jaffettwa l-kwalità tal-ħajja. Il-kompetizzjoni hija miftuħa għal kull età u nazzjonalità sakemm l-idea tgħin biex tnaqqas l-influwenza tal-ivvjaġġar tal-karozzi fuq il-gżira.

L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-15 ta’ Novembru 2018.