Għandek ritratti tal-funtana tat-Tritoni?

Tnediet sejħa pubblika biex kull min għandu xi ritratti tal-Funtana tat-Tritoni jgħaddi kopja tagħhom lill-Ministeru għall-Infrastruttura.
Dan hekk kif waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Christopher Cutajar, ħabbar li qegħdin jinġabru ritratti antiki u riċenti tat-Tritoni biex jintużaw f’pubblikazzjonijiet, wirjiet jew avvenimenti marbutin mal-proġett ta’ din il-funtana.
Ir-ritratti jistgħu jkunu kemm tal-funtana nnifisha, ta’ persuni li jidhru magħha, jew inkella tal-wesgħa qabel l-1959.
Ir-ritratti se jintlaqgħu sal-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju li ġej permezz tal-imejl, tal-forma elettronika li tinsab fuq is-sit, u tal-posta tradizzjonali fl-indirizz: ‘Tritoni’, Kaxxa Postali 1026, Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta.
Barra minn hekk, wieħed jista’ jmur il-Ministeru fid-29 u t-30 ta’ Mejju li ġej u jħalli kopja tar-ritratti.
Apparti dan, il-Ministeru għall-Infrastruttura Joe Mizzi qal li l-ewwel tliet fażijiet tax-xogħol fuq il-proġett tat-Tritoni, li jinkludi wkoll ir-restawr tal-figuri tal-bronż tal-funtana, jinsabu lesti.
Spjega li saru xogħlijiet fi Triq l-Assedju l-Kbir, fejn saret ir-roundabout li tiffaċilita t-traffiku, fi Triq Re Dwardu u l-Biskuttin u fi Triq Nelson, inħoloq post alternattiv fejn jieqfu l-karozzi tal-linja, kif ukoll saru spazji ġodda ta’ parkeġġ.
Qal ukoll li l-figuri u l-plattin tal-bronż tat-Funtana tat-Tritoni ttieħdu f’funderija f’Firenze, l-Italja, biex ikunu rrestawrati.
Spjega wkoll li bħalissa qed tinbena sottostruttura fit-trejqa tal-Foss biex tagħti aċċess għaż-żona ta’ Lascaris War Rooms.
Ritratt: Arkivji (Ian Noel Pace)