“Għandek għalfejn tkun nervuża” – Trump lill-Korea ta’ Fuq

Il-President Amerikan Donald Trump reġa’ ma qadx lura milli jwissi lill-Korea ta’ Fuq li mhux se joqgħod b’idu fuq żaqqu jekk tagħmel xi ħaġa lill-Istati Uniti.
Trump qal lill-Korea ta’ Fuq li għandha għalfejn tkun “ħafna ħafna nervuża,” jekk twettaq dak li qalet din il-ġimgħa.
Il-kummenti ta’ Trump ġew ftit sigħat biss wara li l-istazzjon tal-istat tal-Korea ta’ Fuq qal li r-reġim qed  jippjana li jispara erba’ missili fuq Guam, gżira fil-Paċifiku li hi territorju tal-Istati Uniti.
Trump wissa r-reġim se jiġi fl-inkwiet jekk iwettaw xi attakk.
Intant, il-Prim Ministru Awstraljan Malcomn Turnbull qal li pajjiżu lest jissieħed fi gwerra kontra l-Korea ta’ Fuq jekk din twettaq xi attakk fuq l-Istati Uniti.
Is-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti, James Mattis, wissa li kunflitt bl-armi mal-Korea ta’ Fuq jista’ jwassal għal “katastrofi” u qal li d-diplomazija qed tħalli l-frott tagħha.
It-tensjoni bejn l-Istati Uniti ilhom li bdew u żdiedet sew meta l-Korea ta’ Fuq ippruvat żewġ missili ballistiċi f’Lulju.
Iżda dawn skalaw sewwa meta n-Nazzjonijiet Maqgħuda approvat aktar sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-Korea ta’ Fuq wara li din kompliet għaddejja bil-programm nukleari tagħha minkejja t-twissijiet.