Għandek dritt tgħid dak li trid fuq il-midja soċjali?

Proġett ġdid bl-isem ta’ #StopHate se jkun qed jiddiskuti l-kultura ta’ diskors ta’ mibgħeda. Il-proġett huwa mmexxi minn SOS Malta li hija għaqda lokali li tassisti persuni f’ħinijiet ta’ kriżi permezz ta’ numru ta’ servizzi ta’ sapport.

Fi stqarrija li fiha tħabbar il-proġett, ġie spjegat li d-diskors ta’ mibgħeda żviluppa dejjem aktar ma żdied l-użu tal-midja soċjali, b’mod speċjali fejn jidħol il-ġurnaliżmu. SOS Malta spjegat li bosta jemmnu li jistgħu jgħidu dak li jridu meta jkunu onlajn u li ma hemmx riperkussjonijiet għal dak li jgħidu. Dan sostniet li qajjmet rabja kbira.

Permezz tal-proġett se jiġu analizzati bosta każi ta’ persuni li kienu esposti għal diskors ta’ mibgħeda u kif il-liġi ġiet interpretata f’dawn il-każijiet. Se jingħata wkoll taħriġ lil grupp ta’ voluntiera li se jkunu qed jimmoderaw il-kummenti li jitilgħu fuq is-sit ta’ Times of Malta u l-paġna ta’ Facebook tagħhom.