“Għand tal-ħaxix ftakar li dan jista’ jkun l-aħħar kliem tiegħek”

Read in English.

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex, Mons. Mario Grech, saħaq li meta nkunu “għand tal-ħaxix” għandna nżommu f’moħħna li dak li ngħidu jista’ jkun l-aħħar kliem tagħna. Irrimarka li għandna dejjem nieħdu ħsieb li lsienna ma jtaqtaqx fuq l-oħrajn, biex ma nweġġgħux lil ħaddieħor, biex ma niżirgħux mibegħda u biex ma nħammġux lill-oħrajn.

Fl-omelija fit-tifkira tal-erwieħ mejtin kollha fil-Katidral ta’ Għawdex, Mons. Grech sostna li l-mewt ma tippreġudikax is-sens tal-ħajja, imma tistimulana biex nagħtu aktar tifsira bis-sens lill-eżistenza tagħna.

Mons. Grech spjega kif il-mewt tgħallimna nkunu responsabbli ta’ kliemna u għemilna. Fisser li meta f’moħħna jkollna l-appuntament mal-mewt, inħossu fina x’jgħidilna biex nużaw iż-żmien li għandna mill-aħjar li nistgħu, u ngħassu fuqna nfusna biex ma ngħidux kliem vojt u biex għemilna jkun xieraq, għax jista’ jkun li dak ikun l-aħħar kliem li nlissnu.

Stqarr li bħal kull bniedem, quddiem l-esperjenza tal-mewt jaqbadna l-biża’ u jibdew ġejjin id-dubji u l-inċertezzi.

 “Il-mewt hija għalliema tal-ħajja”

Filwaqt li saħaq li l-mewt hija għalliema tal-ħajja, Mons. Mario Grech irrimarka li l-bniedem illum qed jipprova jostor u jnessi l-mewt. Fisser li meta l-bniedem jipprova jħassar mill-menti tiegħu l-ġrajja tal-mewt, hemmhekk ikun beda l-proċess tal-mewt.

Qal li l-mewt tgħidilna verità importanti, li aħna m’aħniex eterni u għandna l-limitu u t-tmiem tagħna. Insista li meta wieħed ikun konxju li ż-żmien tiegħu huwa magħdud, allura m’għandux raġuni biex jitkabbar, jintefaħ jew iħossu superjuri għall-oħrajn.

“Ladarba jien mirbuħ mill-mewt, m’għandix motiv biex inkun bully mal-oħrajn”, żied jgħid Mons. Grech.  Stqarr li mhux it-tfal biss ibatu mill-bullying għax anke l-adulti ġieli jħossuhom allat żgħar, jieħdu atteġġjament aggressiv, forsi billi inġustament jakkużaw lill-avversarju tagħhom bil-bullying.  Saħaq li meta wieħed iżomm f’moħħu li għad jasal il-waqt li jmut, suppost jiġi f’tiegħu u jkollu raġuni biex irażżan l-egoiżmu tiegħu li huwa l-għerq tal-ħażen.