Għand il-Pulizija min kiteb “għandhom jinħarqu ħajjin”

Il-Pulizija bdew jinvestigaw theddid fil-konfront tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti, l-iżjed fil-konfront ta’ Roberta Metsola.
Fuq Facebook, Emmanuel Navarro kiteb li dawn għandhom jinħarqu ħajjin.
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu ma’ Newsbook.com.mt li Navarro ssejjaħ biex jiġi interrogat.
Apparti li ddeskrivihom bħala “tradituri”, kompla biex iddeskriva lil Metsola bħala “demel.”
Fuq Twitter, Metsola qalet li wasalna f’sitwazzjoni fejn ma hemmx għalfejn taħbi ismek meta thedded lil xi ħadd. Qalet li f’dan il-każ kien jaf li se jsib min “itaptaplu fuq daru.”
“Din hija Malta li wassal għaliha Joseph Muscat u l-politika tiegħu,” kitbet Metsola. “Jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu.”
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista lbieraħ ikkundanna dan it-theddid u talab lill-Kummissarju biex jinvestiga dan il-każ u jressaq il-persuna l-Qorti.